Progress fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Virginijus Sinkevičius, laqa’ l-ħidma li qed twettaq Malta biex “twaqqaf dak li kien isir fil-passat” fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart, u twettaq il-passi meħtieġa biex tilħaq il-miri tal-UE tal-iskart għas-sena 2035.
Flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, u mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, il-kummissarju Ewropew għall-ambjent segwa mill-qrib l-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ Malta waqt iż-żjara tiegħu f’Malta din il-ġimgħa.
“Huwa impressjonanti tara kif Malta qed twaqqaf dak li kien isir fil-passat fl-immaniġġjar tal-iskart permezz ta’ investiment massiċċ u tibdil kuraġġuż fil-politika ta’ dan il-qasam, biex tilħaq il-miri tal-UE għall-2035 b’ħeffa. Konxju mill-isfidi li kellha Malta f’dan is-settur u konvint li bi strateġija tajba, appoġġata minn bidla kbira fil-kultura tal-immaniġġjar tal-iskart minn kulħadd, se jinkisbu r-riżultati meħtieġa,” qal il-Kummissarju Sinkevičius.
Matul iż-żjara, il-kummissarju osserva l-miżuri li qed jittieħdu biex tissaħħaħ is-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ECOHIVE, li hija bbażata fuq il-kunċett tal-ekonomija ċirkolari. Id-delegazzjoni setgħet tara d-differenza bejn il-miżbla l-antika tal-Magħtab u l-ħidma li għaddejja fuq l-istrateġija l-ġdida, bl-isforzi attwali ta’ Malta biex titbiegħed mill-miżbliet u tittrasforma l-influssi tal-iskart f’riżorsa.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Qegħdin naħdmu biex inreġġgħu lura prattiċi li, minn meta Malta ssieħbet fl-UE, wasslu biex pajjiżna, b’mod konsistenti, ikklassifika f’livelli baxxi f’dan il-qasam. Bl-istrateġija li qed inħaddnu qed naraw riżultati inkoraġġanti. Fil-fatt, matul l-aħħar sentejn, WasteServ kisbet riżultati rekord fl-ammont ta’ skart riċiklabbli li ġew ritornati fl-ekonomija ċirkolari. Dan jinkludi żieda sinifikanti fir-riċiklaġġ tal-plastik, li żdied bi tliet darbiet meta mqabbel mal-prestazzjoni preċedenti ta’ Malta.”
Barra minn hekk, ġew reġistrati riżultati impressjonanti fl-iskart organiku li jinġabar separatament, b’żieda ta’ aktar minn 25% li qed tirriżulta fi produzzjoni ogħla ta’ enerġija rinnovabbli. Fl-istess waqt, ġew reġistrati żidiet fl-influssi kollha tal-iskart, u s-settur industrijali ra tkabbir sostanzjali fl-iskart separat li qabel kien imur fil-miżbla, fejn kien hemm żieda ta’ 72% fl-injam u żieda ta’ 600% fis-saqqijiet.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li filwaqt li dawn il-kisbiet huma inkoraġġanti ħafna, xorta waħda huma biss il-punt ta’ tluq għall-miri ambizzjużi li għandha quddiemha Malta.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet biex titħejja l-infrastruttura għall-futur. Ix-xogħlijiet ta’ skavar għall-impjant li se jibdel l-iskart f’enerġija nadifa, u għall-bunker u l-pumping station tiegħu, waslu fl-aħħar fażijiet.
Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ djalogu kompetittiv biex jingħażel il-fornitur tat-teknoloġija u l-operatur għal din il-faċilità tal-waste-to-energy, qiegħda fl-aħħar stadji tagħha. Ladarba jibda jaħdem dan l-impjant, aktar minn 190,000 tunellata ta’ materjal mhux riċiklabbli se jiġu trasferiti minn miżbliet u jinbidlu f’enerġija nadifa li se tlaħħaq għal madwar 4.5% tal-enerġija meħtieġa f’Malta. Id-disinji u l-istudji meħtieġa għall-impjant ġdid tal-ipproċessar tal-iskart organiku huma kważi lesti wkoll. B’din il-faċilità, li se tkun mgħammra bl-aħħar teknoloġija, bil-kapaċità li tikkonverti 74,000 tunellata ta’ skart organiku f’kompost u f’enerġija rinnovabbli fis-snin li ġejjin.
Bdew ukoll ix-xogħlijiet għall-iżvilupp ta’ skip management facility li se tittrasferixxi mas-47,000 tunellata ta’ skart li bħalissa jintrema fil-miżbla.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, enfasizza li l-impjegati tal-WasteServ huma motivati bis-sħiħ biex iwettqu l-ambizzjoni ta’ Malta fl-immaniġġjar tal-iskart u kif l-investiment imressaq mill-gvern u l-aġġornamenti li saru riċentament fil-policies qed juru bidla pożittiva kbira.
Il-Kummissarju Sinkevičius żar ukoll il-miżbla riabilitata ta’ Wied Fulija, fejn ra kif il-pajjiż mhux biss qed jaħdem bla heda biex jilħaq il-miri tiegħu għall-futur, iżda qed jaħdem biex jirranġa l-iżbalji tal-passat. Wied Fulija, li darba kien problema ambjentali kbira fin-Nofsinhar ta’ Malta, issa sar park pubbliku u ċentru tal-bijodiversità, li joffri ċans lill-familji jgawdu s-sbuħija tan-natura.
“Dan huwa eżempju eċċellenti ta’ proġetti ta’ restawr tan-natura, li minn miżbla maħmuġa u tniġġes, inbidlet f’post sabiħ fejn tista’ tiġi għal xi mixja fin-natura waqt li tgawdi l-ibħra sbieħ ta’ madwar Malta. Dan huwa eżempju tar-restawr tan-natura li jaħdem fil-prattika,” temm jgħid il-kummissarju Ewropew.