Żjara fuq il-bastiment Ocean Sentinel, it-tieni darba li għandna sorveljanza madwar il-Mediterran

 Żjara fuq il-bastiment Ocean Sentinel, it-tieni darba li għandna sorveljanza madwar il-Mediterran

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, żar il-bastiment bl-isem Ocean Sentinel li bħalissa jinsab f’Malta.​

Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Unjoni Ewropea qed tipprovdi monitoraġġ lis-sajjieda filwaqt li jkunu spezzjonati d-dgħajjes kollha li joperaw fil-Baħar Mediterran. Permezz tal-bastiment Ocean Sentinel, ser ikunu qed jiġu pprovduti iktar sigurezza u serħan ta’ moħħ lis-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha waqt l-istaġun tas-sajd.

L-EFCA, l-Aġenzija tal-Kontroll tas-Sajd Ewropew, saħħet il-flotta tagħha bi tliet bastimenti ġodda wara l-mandat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tagħha sabiex tassisti lill-istati membri u lill-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ, fil-kontroll u fis-sorveljanza tas-sajd. L-ismijiet ta’ dawn it-tliet bastimenti huma Ocean Guardian, Ocean Protector u Ocean Sentinel.

Il-ħidma ta’ bastiment ieħor matul is-sena li għaddiet wasslet għal numru ta’ spezzjonijiet wara li sajjieda barranin instabu jistadu mingħajr permess fiż-żona kontigwa ta’ pajjiżna, fi ksur tal-liġijiet marittimi internazzjonali.

Minkejja l-ħidma matul is-sena li għaddiet, id-diffikultajiet għadhom hemm. Għalhekk, kien jeħtieġ li Ocean Sentinel isorġi f’pajjiżna u jipprovdi l-għajnuna kollha meħtieġa. Kull min jopera fl-ibħra tagħna, inklużi dawk li jiġu minn pajjiżi terzi, iridu jaġixxu b’mod responsabbli. B’hekk, ma jkunx hemm abbuż mill-għaqal u mill-bżulija tal-mijiet ta’ sajjieda Maltin li joħorġu ta’ kuljum biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.

Il-Ministru Refalo rrimarka li baħar iktar sigur għas-sajjieda Maltin jirriżulta f’aċċessibbiltà ikbar għal ħut frisk, kif ukoll prezzijiet orħos għall-konsumaturi kollha. Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet dwar is-sigurtà tas-sajjieda Maltin u Għawdxin u s-sigurtà tal-ikel li huma parti importanti mill-viżjoni li għandu dan il-gvern sabiex ikollna pajjiż aħjar għal uliedna u għal ulied uliedna b’iktar sigurtà u b’iktar sostenibbiltà fil-ġejjieni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com