Divertiment fis-snin 90

 Divertiment fis-snin 90

Kull darba li nerħilha lejn Paceville, u dan ma jkunx ta’ spiss, dejjem niskanta kemm din iż-żona għaddejja minn tibdil frekwenti: kemm stabbilimenti jagħlqu u oħrajn jiftħu. Ejja ngħidu l-verità, illum Paceville m’għadux l-istess. Bħalissa Paceville huwa popolari ħafna mal-barranin u l-Maltin donnhom qed isibu stabbilimenti u tip ta’ divertiment differenti.

Però fi żmienna, kif kien dan id-divertiment?

Fis-snin disgħin, li għal ħafna huwa meqjus bħala l-isbaħ żmien, il-weekend ta’ divertiment kien jibda mill-Ġimgħa filgħaxija u jispiċċa l-Ħadd. Kull nhar ta’ Ġimgħa, dawk li jgħixu fin-naħa t’isfel ta’ Malta kienu jmorru r-Reeds: l-aktar klabb famuż f’dawk il-viċinanzi li jinsab f’Marsaskala. Min kien residenti Tas-Sliema jew fiċ-ċentru ta’ Malta, kienu jmorru fil-barijiet li kien hemm San Ġiljan bħal Ryans, Tigulio, Saddles u oħrajn.

Is-Sibt kien il-jum mistenni minn bosta. Ħafna kienu jibdew mill-barijiet jew inkella dawk tan-naħa t’isfel, kienu jattendu d-discos żgħar bħal Yogies, Osiris, Reeds u oħrajn. Però, kif idoqqu l-għaxra, kulħadd jitlaq lejn Paceville fejn wieħed kien ikollu firxa wiesgħa ta’ klabbs u barijiet minn fejn jagħżel.

Imma liema kienu dawn l-istabbilimenti?

Wisq probabbli, l-ikbar, l-isbaħ u l-aktar popolari kien il-leġġendarju Axis, li mhux kulħadd kellu x-xorti li jkun aċċettat jidħol. Kien hemm ukoll il-Marage, li kien idoqq it-techno, Places għal min iħobb il-house music, l-Alleys għal min iħobb ir-rock u l-Bamboo Bar. Havana u Footloose kienu popolari wkoll u dawn għadhom miftuħa sal-lum il-ġurnata. Barra minn dawn, kien hemm ukoll Empire, Tremors, Sabor u Peppermint. Jekk kont tħobb ir-rock estrem, kien hemm Coconut jew Remedies.

Il-Ħadd kien ikun il-jum tal-hangover li fih kulħadd kien ikun medhi jirrakkonta l-lejl maġiku li kellu l-lejl ta’ qabel. Madankollu, il-weekend ma kienx jieqaf hemm. Waranofsinhar Footloose u Bamboo kienu jerġgħu jiksbu popolarità u fil-każ tan-naħa t’isfel, kien ikun hemm Osairis. Filgħaxija, Paceville kien ikollu inqas preżenza imma xorta kienet ħarġa mfittxija minn uħud. DJ Alfred Zammit kien jistqarr “Friday free to get in, Saturday free to get in and Sunday the place to be!”.

Kien żmien sabiħ immens: bla mobiles u mingħajr internet imma xorta kont tiltaqa’ ma’ sħabek, probabbli fl-istess post u fl-istess ħin għax għal ħafna din kienet rutina.

Żgur ħallejt barra xi klabbs oħrajn però fis-snin disgħin, dawn kienu l-aktar popolari.

Jekk insejt xi wħud tiddejqu xejn tniżżluhom fil-kummenti tal-midja soċjali tagħna!

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com