Il-festi fil-qofol tagħhom, gwida għax-xahar ta’ Awwissu
Bħalissa, il-festi f’Malta jinsabu fil-qofol tagħhom. Kull ġimgħa, kemm f’Malta u anka f’Għawdex, insibu festa jew tnejn u f’xi każi anka aktar. Għal ħafna Maltin, din it-tradizzjoni tkun l-avveniment tas-sena u hija għal qalbhom għaliex iġġib ċerta nostalġija: jiftakru fit-trobbija li tawhom il-ġenituri u anki fit-tfulija. Uħud jiltaqgħu ma’ xi ħbieb li jkunu ilhom ma jaraw. Barra minn dawn, jeżistu iktar raġunijiet personali għala wieħed ikun ħerqan għall-festa.
Kull festa għandha is-sabiħ tagħha. Ċertu festi jispikkaw minn oħrajn għal diversi raġunijiet, fosthom minħabba l-logħob tan-nar, l-armar, il-briju, il-knisja u anka l-baned. Bla dubju, ikun hemm xalata sħiħa ta’ dak kollu li huwa tipikament Malti.
Matul ix-xahar li ġej ser ikollna diversi festi partikolari u għalhekk ser nagħtukom id-dettalji sabiex tattendu dawn il-festi. Mhux se nsemmu l-festi kollha għax kieku ma niqfux, u għalhekk, għażilna żewġ festi li jsiru fil-ġurnata tagħhom; festa meqjusa bħala l-aktar popolari; u l-festa ta’ Santa Marija li hija meqjusa l-festa tal-Maltin.
Fis-6 t’Awwissu, tkun iċċelebrata l-festa tas-Salvatur fir-raħal ta’ Ħal Lija. Din il-festa hija waħda mill-ftit li tkun iċċelebrata dejjem fl-istess jum u hija popolari għal-logħob tan-nar spettakolari. Wieħed m’għandux jitlef l-ispettaklu ta’ lejlet il-festa.
Festa oħra li tkun iċċelebrata fil-jum tagħha hija dik ta’ San Lawrenz fil-belt tal-Birgu, nhar l-10 t’Awwissu. Din il-festa hija popolari għall-armar rikk li wieħed isib imżejjen; għall-marċ tal-antiviġilja li jkun iċċelebrat jumejn qabel il-festa; kif ukoll għad-dħul spettakolari tal-istatwa ta’ San Lawrenz fil-knisja dakinhar tal-festa.
Nhar it-13 t’Awwissu, tkun iċċelebrata waħda mill-aktar festi popolari Maltin, dik ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun. Din il-festa tiġbed l-eluf ta’ nies lejn dan ir-raħal minħabba l-marċi brijużi taż-żewġ baned tal-lokal, b’mod speċjali dak ta’ filgħodu. Din il-festa hija popolari wkoll peress li lejn l-aħħar tal-purċissjoni, l-istatwa ta’ San Gejtanu tidħol bil-ġirja sa fuq iz-zuntier.
Il-qofol tal-festi jintlaħaq nhar il-15 t’Awwissu: jum Santa Marija, fejn ikunu ċċelebrati disa’ festi. L-Imqabba u l-Qrendi huma l-aktar popolari għal-logħob tan-nar filwaqt li r-Rabat (f’Għawdex) u l-Mosta magħrufa għall-marċ ta’ filgħodu. Minbarra l-Marċ, il-Mosta u anki Ħal Għaxaq jagħmlu nar sabiħ li mhux ta’ min jitlifhom. Hija ħasra kbira li dawn il-festi jkunu flimkien għaliex wieħed ma jistax isegwi kollox.
Fil-ġimagħtejn ta’ wara dal-festi, inkomplu b’oħrajn li jibdew iqarrbuna lejn tmiem l-istaġun ta’ dawn l-avvenimenti mill-isbaħ.
Viva l-festi tagħna l-Maltin
Il-festa t-tajba!