Influencer ma ssirx..

 Influencer ma ssirx..

Xi darba jew oħra kulħadd kien ta’ influwenza tajba jew ħażina għal xi ħadd. Madankollu l-mistoqsija ewlenija hija, kif issir influencer?

Is-sigriet ta’ ħafna huwa li inti tkun naturali. Is-segwaċi jħobbu jaraw l-onestà tal-persuna u anki, kif tgħix il-ħajja. Tajjeb nifhmu li mhu faċli xejn bħala xogħol għaliex b’burdata tajba jew ħażina, xorta trid tqum filgħodu u tkun ottimist lejn is-segwaċi tiegħek.

Il-kunċett ta’ konsistenza huwa l-akbar fattur għal dan ix-xogħol. Wieħed irid jibni relazzjoni mas-segwaċi biex il-profil jiġi segwit minn ħafna nies u b’hekk, wieħed isaħħaħ il-pjattaforma tiegħu. Tajjeb li nsemmu li bħala influencer, mhux bilfors tkun ksibt popolarità minn qabel. Tista’ tkun persuna li ħadd qatt ma kien jaf, toħroġ kontenut interessanti u b’hekk in-nies jinteressaw ruħhom u tiggwadanja l-popolarità. L-iktar suġġetti għal qalb is-segwaċi jkunu l-organizzazzjoni, id-dekorazzjoni fid-dar u l-ħasil.

Li turi l-kontenut mhux biżżejjed. Tajjeb li s-segwaċi jaraw ukoll il-ħajja ta’ kuljum biex b’hekk ikunu jistgħu jirreletaw u jassoċċjaw ruħhom magħhom. Barra minn hekk, ċertu influencers jirriklamaw il-prodotti għaliex in-nies jibdew jafdawhom u dak li jtellgħu, jemmnu li jkun ta’ ġid. Wieħed ma jridx jinsa li l-influencers iridu jirrispondu lin-nies li jkellmuhom għaliex is-segwaċi huma importanti.

L-ikbar sfida li jsibu dawn in-nies hija l-kreazzjoni oriġinali u reali tal-kontenut. Wieħed irid ikun prattiku u b’hekk irid isib iċ-ċans peress li l-kontenut jieħu ammont sostanzjali ta’ ħin sabiex jiġi kkreat.

Sabiex nikkonkludu, ix-xogħol huwa interessanti ħafna u jekk xi ħadd itella’ xi affarijiet fuq il-midja soċjali, ma jfissirx li jkun influencer. Għalkemm aħna ngħixu f’pajjiż ċkejken, għandna persentaġġ tajjeb ta’ influencers ikkomparati ma’ pajjiżi oħrajn.

Jekk int tixtieq issir influencer u taħseb li għandek kontenut interessanti, mela x’qiegħed tistenna?! Ibda aħdem u kun kunfidenti f’dak li qed tagħmel.

Mill-banda l-oħra, jekk inti diġà influencer u qed taqra dan l-artiklu, mela ibqa’ sejjer hekk għax hawn bżonnok!

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com