Inti taqbel li l-prostituzzjoni tkun legalizzata?

 Inti taqbel li l-prostituzzjoni tkun legalizzata?

Suġġett jaħraq madwar id-dinja, li ilu fil-quċċata tad-diskussjonijiet għal sekli sħaħ, huwa dak tal-prostituzzjoni. Filwaqt li ħafna pajjiżi kkriminalizzaw din il-prattika minħabba l-kwistjoni ta’ saħħa u l-valuri etiċi u morali, oħrajn għażlu li jieħdu triq oħra. F’Malta, dan is-suġġett ftit li xejn jitkellmu dwaru l-awtoritajiet u ftit huma dawk il-politiċi li qajmu diskors dwar dan is-suġġett. Wisq probabbli, dawn tal-aħħar jagħżlu li ma jitkellmux dwar il-prostituzzjoni għaliex jibżgħu minn telf ta’ voti, l-aktar, minn dawk li huma kattoliċi. Però, hemm bżonn isir xi ħaġa biex dawn il-ħaddiema, li ħafna minnhom ikunu nisa, ma jkunux sfruttati.

Ħafna jemmnu li jekk il-prostituzzjoni issir legali, ikun hemm nuqqas ta’ moralità u tnaqqir tal-valuri soċjali, iżda dan mhux il-każ. Huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut li l-prostituzzjoni teżisti irrispettivament jekk hix legali jew le. Il-legalizzazzjoni tipprovdi opportunità biex tirregola l-industrija u tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema tas-sess, l-iktar fejn tidħol saħħa. Barra minn hekk, jekk is-soċjetà tibda tara l-prostituzzjoni minn lenti oħra, tkun tista’ tiffoka fuq kwistjonijiet oħra u tgħin lil dawk involuti.

In-nies li ma jaqblux ma’ dan jargumentaw li l-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni se twassal għal żieda qawwija fit-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin. Madankollu, dan mhux neċessarjament il-każ. Jekk ikun hemm is-sistema legali, jitnaqqas it-traffikar tal-bnedmin u jkun hemm distinzjoni bejn xogħol sesswali b’kunsens u xogħol sfurzat. Apparti hekk, dawk mhux favur jargumentaw kontra l-prostituzzjoni sforz in-nuqqas t’għarfien fejn jidħol is-sess. Fl-iskejjel is-suġġett tas-sess ma kienx jiġi mgħallem, għall-kuntrarju t’issa. It-tagħlim tal-knisja iħalli impatt ukoll għaliex peress li t-tagħlim tas-sess ma jiġix indirizzat minn din l-istituzzjoni, il-prostituzzjoni lanqas biss tista’ tiġi diskussa.

Il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni tippermetti l-implimentazzjoni tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà. Jekk wieħed ikun jista’ jħares lis-saħħa tiegħu, l-infezzjonijiet trażmessi sesswalment jonqsu drastikament u b’hekk jagħmlu l-industrija aktar sigura kemm għall-ħaddiema tas-sess kif ukoll għall-klijenti.

Barra minn hekk, il-ħaddiema tas-sess jiksbu rikonoxximent legali u protezzjoni taħt il-liġi. Huma jistgħu jfittxu lil xi ħadd f’każijiet ta’ abbuż jew sfruttament. Apparti dan, jekk din issir legali, jista’ jkun hemm impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Il-gvernijiet jistgħu jimponu taxxi fuq l-industrija u jiġġeneraw dħul li jista’ jiġi investit f’servizzi pubbliċi.

Kemm Malta hija preparata għal dan kollu għandna d-dubju, però, jekk mhux se jibda xi ħadd, il-problema ta’ sfruttament ser tibqa’ tippersisti.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com