Kemm daħlu eluf il-klabbs Maltin f’dawn is-sentejn?

 Kemm daħlu eluf il-klabbs Maltin f’dawn is-sentejn?

Kemm daħlu eluf il-klabbs Maltin f’dawn is-sentejn?

 

Mhux l-ewwel darba li l-klabbs Maltin rnexxielhom jidħlu f’kompetizzjonijiet Ewropej u primarjament, huma jagħmlu dan għal żewġ raġunijiet: il-prestiġju u l-flus.

Il-UEFA hi l-akbar sponsor tal-klabbs Maltin u hija tagħmel dawn il-pagamenti wara li tikkalkula kemm ser tagħmel dħul mill-kompetizzjonijiet li torganizza. Bejn wieħed u ieħor, is-sena l-oħra kkalkulat li se jkollha dħul ta’ €3.5 biljun. Il-Maltin jidħlu fix-xena fl-istadji bikrija ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u ħafna drabi jkun hemm tim wieħed fiċ-Champions League u tlieta oħra fil-UEFA Conference League.

 

Kif jitqassmu dawn il-fondi?

 

Għal kull rawnd li tim jipparteċipa fih, il-UEFA tagħtih €100,000. Barra minn hekk, il-UEFA tagħti somma oħra flimkien mal-€100,000 imsemmija skont f’liema rawnd t-tim jinqala’: min jinqala’ fl-ewwel rawnd, il-UEFA tagħtih €150,000. Jekk tim jinqala’ fit-tieni rawnd ser jirċievi €350,000 u jekk tim jasal sat-tielet rawnd, is-somma ser tkun dik ta’ €550,000. Meta tim jinqala’ fil-play-off, bħalma ġralhom Ħamrun Spartans F.C. is-sena li għaddiet, dan jingħata s-somma ta’ €750,000. Min ikun qed jikkompeti fiċ-Champions League ser jiggwadanja wkoll għaliex jekk tim ma jidħolx fl-istadju tal-gruppi, bħalma ġralhom Hibernians F.C. is-sena l-oħra u Ħamrun Spartans F.C. din is-sena, dan jingħata €260,000 oħra.

 

L-unika żewġ klabbs li kkompetew fiż-żewġ edizzjonijiet f’dawn is-sentejn huma Ħamrun Spartans F.C. u Gżira United F.C. Hawn isfel tista’ ssib rendikont ta’ kemm daħlu mill-UEFA dawn iż-żewġ klabbs is-sena l-oħra u kemm ser idaħħlu din is-sena:

Ħamrun Spartans F.C. inqalgħu waqt ir-rawnd tal-play-off u allura rċivew is-somma ta’ €1,150,000. Din is-sena, peress li waslu sat-tieni rawnd u mhux se jikkompetu fil-gruppi taċ-Champions League, għandhom €810,000 oħra.

Gżira United F.C. inqalgħu fit-tielet rawnd u daħlu s-somma ta’ €850,000 u din is-sena diġà għaddew għat-tieni rawnd u għalhekk għandhom żgur is-somma ta’ €550,000.

 

Minn dawn is-somom, wieħed irid jikkunsidra li għal kull rawnd, kull tim irid itella’ miegħu kontinġent kbir u għalhekk hemm l-ispejjeż tal-lukandi u t-trasport. Meta wieħed jikkunsidra dan kollu, l-infiq tal-klabb, bejn wieħed u ieħor, ikun ta’ €35,000 għal kull rawnd. Il-maġġoranza tal-klabbs Maltin jippruvaw isibu l-irħas titjiriet possibbli u ġieli kien hemm każijiet fejn il-kontinġent ikollu jinqasam f’żewġ gruppi, l-aktar meta jivjaġġa fi żmien li t-turiżmu jkun fl-aqwa tiegħu.

 

Dawn il-pagamenti jitħallsu sa Ottubru u ħafna klabbs Maltin jissellfu mill-bank lokali kontra l-flus tal-ewwel rawnd li huma garantiti sabiex ikomplu joperaw.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com