Għalik huma ċari biżżejjed is-sinjali tat-toroq tal-proġett il-ġdid ta’ ħdejn l-ajruport?
Il-proġett tal-flyovers ta’ ħdejn l-ajruport kważi lest, u issa s-sewwieqa qegħdin jużaw dawn it-toroq ġodda ta’ kuljum. Tajjeb li ngħidu li dan kien proġett bżonjuż u għal dik iż-żona, se jagħti nifs ġdid lis-sewwieqa li jridu joħorġu minn wara l-mini. Però, hemm xi sitwazzjonijiet li qegħdin idejqu u jinkwetaw lil diversi sewwieqa.
Ħafna qegħdin jirrapurtaw li t-tabelli huma żgħar ħafna u biex tagħraf l-isem trid tmur viċin. Għalhekk, dan qiegħed joħloq periklu bla bżonn. Oħrajn ikkummentaw li ċertu tabelli ma jagħmlux sens kif inhuma tant li xi wħud qabdu t-triq għall-ajruport bi żball. Jien inkluż! Barra minn dawn, hemm ċertu toroq li huma ta’ periklu għas-sewwieqa u għalhekk, wieħed għandu joqgħod b’seba’ għajnejn biex jevita xi inċident.
Għalhekk, nappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni sabiex titranġa s-sitwazzjoni ħalli nevitaw l-inċidenti.
U int, soqt f’din iż-żona? Innutajthom dawn l-affarijiet?