Il-Covid immisjajtu?
Temmen li ġieli nimmisjah? Il-Covid! Mhux il-virus. Dak ovvja li le, imma ċertu miżuri li daħħalna ħabba fih, iva.
Jien għedt li se jibqgħu hemm għal dejjem. Kemm kont żbaljat. Sentejn wara, insejna ċertu miżuri li għenuna neħilsu mill-vrius. Jien se nsemmi ftit, jekk tridu żidu tagħkom.
Hemm irġiel li reġgħu bdew jaħsbuha dwar jekk għandhomx jaħslu jdejhom wara l-użu tat-toilet. Qabel ma kinitx għażla għax dlonk kont tisma’ lill-profs. Charmaine ttambar kemm hu importanti. Imma issa, jekk wara li joħorġu ma jsibu lil ħadd, ibaxxu rashom u jgħidu “u iva, tiegħi nadif” u mbagħad miskin int jekk dritt wara jiġi jgħannqek u jaqbadlek qabda wiċċek.
Is-sapun u s-sanitisers, għosfru! Fl-uffiċji (anke tal-gvern) tista’ tgħid li sanitiser m’għadekx issib, x’aktarx għax m’għadux jintuża. It-toilet paper reġa’ qed jinqabeż f’ċertu latrini. Qabel fil-Covid tal-inqas, kont issib folja rqiqa mwaħħla mar-roll! Issa erġajna, jekk tinsa t-tissues, tagħmel straġi.
Il-parties u l-marċi reġgħu rrankaw. Donna sirna nieħdu gost inħalltu l-għaraq. Ta’ sikwit tara flixkun birra maqsum bejn tnejn jew tlieta min-nies “għax is-sħana” jew jgħidulek “u aħna kollha tal-każin..”.
L-għatis fil-knisja, dak storja oħra. Filli qed titlob u f’daqqa waħda tħoss it-taqtir u dlonk taħseb li wasal il-ħin tat-tberik. Xi tberik! Iddur u ssib lil xi persuna ittella’ kemm tiflaħ wara dik l-għatisa papali. Jekk l-għatis fil-knisja huwa gravi, aħseb u ara f’tal-linja, li flok il-famuża social distance moħħha biex tara l-minimum distance biex b’hekk ittella’ lil kulħadd.
Il-persentaġġ ta’ dawk il-ħaddiema li jmorru fuq il-post tax-xogħol ma jifilħux, reġgħet għoliet u dlonk jirraġunaw li kulma għandhom “daqsxejn riħ”.
Tal-banek baqgħu kemm jista’ jkun ma jridu lil ħadd jattendi b’mod fiżiku fil-banek tagħhom. Povra l-anzjani li kellhom jagħmlu card. U xi ngħidu għal tal-ħwienet tal-ħwejjeġ u s-supermarkets? Li keċċew lill-kaxxiera fil-covid u minflokhom, daħħlu sistemi bir-robots u l-magni. B’hekk, issa trid tagħmel kollox waħdek. Jekk ma blajtx il-virus, blajt xi ħaġa oħra.
Qisu dak kollu li tgħallimna, donnu nsejnieh jew tant dejjaqna tul dak iż-żmien, li biex żgur ninsew, insejna bit-tajjeb b’kollox.
U int, x’innutajt?