Il-fenomenu tal-microdosing

 Il-fenomenu tal-microdosing

Qatt smajt bid-droga LSD?

Normalment din it-tip ta’ droga tħalli effett kbir u ħażin fiżikament u anki mentalment għaliex wieħed jibda jimmaġina affarijiet li mhumiex qegħdin quddiemu u l-bqija. Madankollu, min jagħmel użu minn dan il-fenomenu tal-microdosing jiddeċiedi li jieħu biss doża żgħira ħafna minn din is-sustanza, sabiex b’hekk jikkonsma biss l-affarijiet pożittivi.

Ħafna nies jagħmlu dan mhux bl-istess intenzjoni li persuna għandha meta tagħżel li tieħu d-droga. Fil-fatt, huma jagħżlu dan il-metodu sabiex ikollhom effett terapewtiku żgħir, mingħajr l-effetti li ġġib magħha d-droga meta tittieħed kollha kemm hi.

S’issa ma tantx saru studji ta’ min torbot fuqhom għaliex dan kollu huwa legali biss f’ċerta pajjiżi. Apparti dan, l-istudji saru b’tali mod li l-persuni tkellmu fuq l-esperjenzi personali tagħhom u b’hekk, dawn huma kollha opinjonijiet. Dawn in-nies stqarrew li raw titjib fil-burdata u l-kreattività filwaqt li l-ansjetà u d-dipressjoni bdew itaffu.

Therese, omm li ilha tbati mid-dipressjoni għal dawn l-aħħar għaxar snin, sabet li dan il-fenomenu ħadem tajjeb ħafna fuqha. Hija stqarret li qabel kienet issibha diffiċli biex toħroġ u tieħu gost kull fejn tmur, madankollu, bil-microdosing irnexxilha toħroġ mill-qoxra u għalhekk, qed terġa’ tgħix ħajjitha. Hija saħqet ukoll fuq l-importanza li dan kollu għandu jsir legali biex b’hekk, dan kollu jgħin lil ħafna iktar nies. S’issa, il-microdosing huwa legali biss f’dawn il-pajjiżi (b’ċerta kundizzjonijiet): fl-Awstrija, fil-Bahamas, fil-Brażil, fil-British Virgin Islands, fil-Ġamajka, fl-Olanda u fis-Samoa.

Ċerta studjużi qalu li peress li dawn huma biss opinjonijiet ta’ min jemmen f’dan il-fenomenu, jaf bil-ħsieb biss ukoll tħallilhom effett b’saħħtu u b’hekk, ħafna għadhom xettiċi.

Inti ġieli smajt b’dan il-fenomenu? X’inhi l-opinjoni tiegħek? Iktbilna!

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com