Inċidenti bil-muturi. Huwa tort tas-sewwieqa tal-muturi jew tal-karozzi?

 Inċidenti bil-muturi. Huwa tort tas-sewwieqa tal-muturi jew tal-karozzi?

Is-sewwieqa tal-muturi żdiedu ħafna: min biex jevita t-traffiku ta’ kull filgħodu u min għax jaħdem ma’ xi kumpanija li twassal l-ikel id-dar. Għal raġunijiet varji, dan qiegħed isarraf f’diversi inċidenti li ta’ spiss qegħdin nisimgħu bihom.

L-ewwel raġuni hija t-traskuraġni tal-istess sewwieqa ta’ dawn il-muturi. Kemm-il darba naraw manuvri perikolużi li għal ftit ma jispiċċawx f’inċident. L-istess raġuni hija valida għas-sewwieqa tal-karozzi li b’ċertu sewqan perikoluż tagħhom, ipoġġu lil tal-muturi f’periklu. Jista’ jkun ukoll li l-infrastruttura tagħna mhux maħsuba biex tilqa’ dan l-ammont kbir ta’ muturi u huwa għalhekk li mhuwiex faċli li ssuq mutur fil-pajjiż.

Hi x’inhi r-raġuni, huwa żgur li l-aspett uman huwa l-akbar kaġun ta’ dawn l-inċidenti kollha. Illum, kulħadd għaddej sparat u mgħaġġel biex iwassal l-ikel malajr jew jidħol fil-ħin fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, ħafna sewwieqa tal-muturi ġejjin minn kulturi fejn isuqu fi bliet li forsi l-liġijiet u r-regoli mhumiex daqstant stretti u dan huwa fattur li jħalli impatt qawwi.

Wieħed ma jridx jinsa li għal ħafna t-triq hija xi korsa tat-tlielaq, speċjalment nhar ta’ Ħadd. Dan huwa ta’ periklu kemm għalihom, kif ukoll għal sewwieqa oħra li jkunu għaddejjin għall-affari tagħhom. Naqra rispett ma jagħmilx ħażin.

Naħseb li wasal iż-żmien li tibda kampanja ta’ informazzjoni fuq is-sewqan tal-muturi sabiex dawn l-inċidenti jonqsu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com