Inti l-paga sservik sal-aħħar tax-xahar?

 Inti l-paga sservik sal-aħħar tax-xahar?

L-ewwel darba li sifirt kienet mawra sa Ruma. Kont għadni żgħira. Qed nitkellmu madwar 11-il sena ilu. Jiena u miexja fit-toroq, apparti l-Vatikan, il-Kolossew, rajt realtà li f’Malta qatt ma ltqajt magħha. Il-faqar.

Nies ta’ kull età, għarkupptejhom, b’tazza f’idejhom, rashom baxxutha, jitolbu l-ħniena u l-għajnuna ta’ min għaddej. Bit-tama li jisimgħu munita taqa’ u biha jkollhom fuq xiex jaħilfu.

Din ir-realtà bil-mod il-mod bdejt naraha dieħla f’Malta. Kif jista’ jkun f’Malta għandna l-faqar ukoll? Sa ftit ġimgħat ilu, jiena u tiela’ t-taraġ ta’ Ġnien Laparelli, nara rokna, b’saqqu u liżar għal bniedem li d-‘dar’ tiegħu saret hemmhekk.

Tgħidu, ħafna minnhom huma barranin u ara fiex ġabuh pajjiż. Iżda l-problema tal-faqar qed tiġi esperjenzat mill-Maltin stess. Li ma tistax tixtri post jew tal-inqas tikri, mhuwiex faqar? Li l-paga ma sservikx sal-aħħar tax-xahar, mhuwiex ukoll?

Saħanistra, skont l-aħħar statistika maħruġa minn Caritas f’Malta, kien hemm żieda fl-ispejjeż tal-ikel u mediċini essenzjali, kawża taż-żieda fl-inflazzjoni mill-pandemija tal-Covid u l-gwerra fl-Ukranja. Familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal tonfoq €719.50 fix-xahar għall-ikel, li jfisser €8,634 fis-sena. Għal żewġ anzjani ta’ ‘il fuq minn 65 sena, l-ispiża tal-ikel ġiet €362.28 fix-xahar u għalhekk €4,347 fis-sena. Din iż-żieda ħafna qed iħossuha u magħha qed iġġib faqar ġdid.

Il-ġid komuni għandu jitqassam u jitgawda minn kulħadd u mhux biss minn min il-but huwa l-inqas inkwiet tiegħu. Meta nagħtu, ma nagħtux minn dak li hu tagħna, imma miż-żejjed tagħna.

Inti l-paga sservik sal-aħħar tax-xahar?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com