INTI SMAJT BIT-TERMINU ‘LONG VAX’ ?
Meta ssemmi l-Covid-19 ma tistax ma ssemmix il-vaċċin. Tajjeb li nsemmu li fiż-żmien li beda ħiereġ dan il-vaċċin, il-poplu Malti kien maqsum fi tnejn: kellek lil dawk li qablu ma’ dan kollu u kienu minn tal-ewwel li marru jitlaqqmu u oħrajn li kienu (u għadhom) xettiċi dwar dan.
Ilkoll konxji tal-fatt li l-Covid-19 kapaċi jħalli effett fuq il-bniedem, u fil-fatt, ix-xjentisti ħolqu t-terminu “Long Covid” li jirreferi għal dawk in-nies li l-virus ħalla effett ħażin fuqhom. Riċentament, simili ta’ dan, ħareġ it-terminu “Long Vax” b’referenza għall-effett li jħalli l-vaċċin fuq il-bniedem għal tul ta’ żmien. Hemm min jgħid li minħabba l-vaċċin qiegħed jinnota li qalbu qiegħda tgħaġġel iktar u qed jiżdiedu l-problemi bil-pressjoni iżda kelliema minn Cleveland Clinic stqarret li l-vaċċin ma jħallix effett fuq il-qalb kif bosta jemmnu. Oħrajn stqarrew li qegħdin isofru minn uġigħ ta’ ras u għeja. Madankollu, dawn is-sintomi tal-vaċċin huma meqjusa każijiet rari u għalhekk tinfaxxax rasek qabel taqsamha! Qabel ma tasal għal xi konklużjoni, ara li jkollok konferma ta’ tabib/a.
Ħafna jaslu għal dawn il-konklużjonijiet negattivi għaliex jemmnu li l-vaċċin sar malajr u għalhekk ma ġiex studjat biżżejjed. Madankollu, tajjeb ngħidu li skont studjużi, l-ebda stadju ma nqabeż sabiex isir dan il-vaċċin. Il-vaċċin sar malajr għaliex ingħatatlu importanza minn diversi studjużi u b’hekk, kien hemm ħafna nies li taw kontribut.
U ħaġa oħra, serraħ rasek! Gates mhux qiegħed isegwik minħabba l-vaċċin. Ħafna bdew jemmnu li fil-vaċċin hemm ċippa u kif titlaqqam, din tidħol f’ġismek sabiex wieħed isegwi x’inti tagħmel. Kieku minnek, f’dan il-każ, noqgħod iktar attent mill-mobile li għandek f’idek bħalissa milli mill-vaċċin.
U inti l-vaċċin ħalla effett ħażin fuqek? Iktbilna fil-kummenti.