Ir-raġel inqas emmnut u fdat fil-qorti tal-familja?

 Ir-raġel inqas emmnut u fdat fil-qorti tal-familja?

Dan l-aħħar fuq il-midja soċjali qegħdin naraw diversi posts rigward ir-rata ta’ suwiċidji fost l-irġiel f’pajjiżna. Dan is-suġġett huwa wieħed sensittiv ħafna u bħala Strada Rjali m’għandniex numru f’idejna biex nikkonfermaw dan kollu. Però, wieħed jista’ jitkellem u jqajjem kuxjenza dwar problemi li ħafna rġiel qed jiltaqgħu magħhom: il-kustodja u l-manteniment meta jkun hemm separazzjoni.

Hawn l-impressjoni li fil-qorti, mara hija aktar emmnuta u fdata minn raġel. Jekk dan hux vera jew le ma nistgħux ngħidu u kull każ irid jittieħed bħala wieħed individwali. Però, nisimgħu każijiet fejn biex il-missier iħallas manteniment irid jissallab jew agħar minn dan, jispiċċa l-ħabs peress li jkun hemm manteniment mhux imħallas bi ftit jiem. Barra minn dan, ċerta missirijiet jispiċċaw ma jarawx lit-tfal tagħhom minħabba xi gidba jew pika tal-omm. Wieħed ma jridx jinsa d-dewmien li hemm biex ċertu każijiet ta’ separazzjoni jiġu solvuti. Nafu li xi drabi mhux faċli ssolvi dawn il-problemi, speċjalment fejn jidħlu t-tfal iżda għandna nifhmu wkoll li fil-maġġor parti tal-każijiet ikun hemm ħafna nies imweġġa’.

Hawn irġiel li huma għaddejjin minn dawn il-problemi u jibżgħu jfittxu l-għajnuna. Sfortunatament, ċerta rġiel jippreferu jtemmu dawn it-tbatijiet b’soluzzjoni estrema milli jitkellmu ma’ xi ħadd. Hawnhekk fejn għandhom jidħlu l-awtoritajiet. Wieħed minn età żgħira għandu jkun mgħallem li jekk għandu problema,hemm l-għajnuna. Għandu wkoll ikun hemm aktar postijiet fejn raġel jista’ jsib l-għajnuna. Barra minn dan, għandha ssir investigazzjoni dwar x’inhu jiġri fil-qrati tagħna meta jkun hemm każ ta’ separazzjoni bl-ulied involuti. Ejja nibdew qabel ikun tard wisq.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com