Meta tagħlaq l-40…

 Meta tagħlaq l-40…

Meta tagħlaq l-40…

Daniel tad-Danusan se jagħlaq 40 sena nhar il-11 ta’ Settembru (id-data tat-twelid aslu għaliha waħedkom). Sander, min-naħa tiegħu se jmiss is-47 sena u bħalissa għaddej bl-iskript ta’ xow li se jittella’ fit-13, fl-14 u fil-15 ta’ Ottubru li għalih diġà ħarġu l-biljetti. Staqsejna lil Sander x’jiġri meta wieħed jagħlaq l-40 u dawn huma l-10 affarijiet li għandek tinnota li jiġrulek u li żgur se jkunu msemmija fix-xow tagħhom.

  1. Tiġi bżonn nuċċali.

Din ma kontx nemminha imma veru. Jien indunajt bis-sitwazzjoni waqt li kont qiegħed f’ristorant. Pruvajt naqra kemm hi t-tagliata u bdejt nara n-numru 200. Dort fuq il-mara u għedtilha “lanqas jistħi dan €200 ta’ tagliata”. Hija, bil-mod u minn taħt l-ilsien biex ma tiksirnix, qaltli li dawk huma l-grammi, jiġifieri kemm se jitfagħlek ANGUS fil-platt.

  1. Il-Pulizija jidhru iżgħar minnek!

Il-pulizija tista’ tgħid li jkunu preżenti tul ħajjitna kollha, speċjalment meta konna iżgħar waqt xi party. Ta’ żmieni s-SIN parties, Follow the white line u nsomma, ħafna iktar avvenimenti li kull min għex id-disgħinijiet jaf għalxiex qiegħed nirreferi. Dak iż-żmien, il-pulizija kienu kbar, minn dak it-tip li tħares lejhom u tgħid li dawn adulti. Illum meta niddeċiedi li mmur xi party (se nitkellem dwar dan iktar tard) issib li l-pulizija kollha għadhom żgħar. Bla dubju, il-pulizija li daħlu miegħek issa kibru u rtiraw u allura l-korp ikollu bżonn nies ġodda li jifilħu jiġru warajk jekk tagħtihom xi kedda!

  1. Il-Parties

Niftakarni noħroġ il-Ġimgħa u ommi tirrabja miegħi għax ġieli ma dħaltx qabel it-TNEJN filgħodu. Illum, id-deċiżjoni jekk għandix immur party jew le qisha dik bħal jekk għandix nidħolx l-Università. Meta niddeċiedi li mmur wieħed, peress li ndum nixrob u niżżabel, ikolli bżonn sat-Tnejn biex forsi nirkupra. Madankollu, il-parties inbiddlu. Fi żmieni kont tmur u tkun taf lil kulħadd. Illum inkun qisni missierhom f’nofshom. Meta jieħdu ritratt miegħi, inħossni qisni mort għand il-photographer biex nieħu ritratt minħabba l-Preċett tan-neputi. Iż-żfin ukoll inbidel. Fid-disgħinijiet konna niċċaqalqu, ngħollu jdejna, nċapċpu filwaqt li llum taqa’ għan-nejk jekk tagħmel dan.

  1. L-ikel

Sakemm għalaqt it-30 tista’ tgħid li kont niekol minn kollox u qatt ma deher f’ġismi. Minn hemm qabdet ħierġa ż-żaqq u issa ma nistax neħles minnha. Kollox nipprova: intermittent fasting, nitħarreġ, nimxi, niekol ikel bnin, però, iż-żaqq hemm tibqa’! Tibda tipprova ħafna affarijiet u metodi differenti biex tipprova tnaqqas b’riżultat li żżid fil-konverżazzjonijiet li qabel ma kontx toħlomhom. Jgħidulek biex tieħu l-avocado għax dik tqatta’ x-xaħam u mbagħad naqra cider vinegar qabel tiekol. Il-McDonald’s storja oħra. Kif ngħaddi minn quddiemu nbaxxi rasi biex żgur ma tiġinix it-tentazzjoni. U mbagħad, il-qofol ta’ kollox huwa dak id-demel ta’ miżien li xtrajt mil-LIDL. Qisu jieħu gost jgħidli li wara ġimgħa dieta, żidt żewġ kilos ħabba grokk whisky (jew tnejn).

  1. Is-suf

Din eżatt! Kif tagħlaq l-40, is-suf jibda ħiereġ qisu t-TE DEUM ta’ Ħaż-Żabbar għax jitfaċċa minn kullimkien. Sidri ffolta u biex nimxi mal-moda tal-lum inqaxxru. Anki l-ħuġbejn! Daqt jibdew jipproduċu l-isplenguni għax jikbru fi żmien jumejn. Minn widnejja wkoll ħiereġ is-suf filwaqt li x-xagħar dejjem nieżel. Mank jaħasra nwaqqa’ s-suf minflok.

  1. Kunċert

Qatt ma niftakar li mort kunċert bilqiegħda għax dejjem kont nemmen li fil-general admission ikun hemm iktar bażż u gost. Imma dan l-aħħar, anke għax tkun tiflaħ tħallas iktar minn meta tkun żgħir, sirt niċċekja jekk hemmx bilqiegħda! U għad baqagħli livell ieħor x’nilħaq. Bħalissa, jien qiegħed ma’ dawk li jkunu bilqiegħda imma li jqumu meta tiġi diska tajba. Issa naħseb mal-50 nibqa’ bilqiegħda kunċert sħiħ.

  1. Il-Ħwejjeġ

Din problema kbira. Moħħok jibqa’ jirraġuna bħal meta tkun żgħir u allura tidħol għand tal-ħwejjeġ u tipprova dawk li huma għal nies iżgħar minnek. Eżatt bħal meta tara l-anzjani u f’għajnejk tara l-ħwejjeġ li jkunu għalihom, hekk ikollok tibda’ tagħmel meta tagħlaq l-40. Ħdejja dejjem ninzerta lil xi ħadd li jkun interessat fl-istess għażla tiegħi. Wara li narah liebes ngħid aħjar infittex xi ħaġa oħra. Għalhekk, tiġi tal-ħanut, li jekk ngħid li hi ħelwa x’aktarx jarrestawni b’pedofelija tant kemm tkun iżgħar minni, u b’edukazzjoni turini s-sezzjoni li tkun iktar addattata għalija…

  1. L-artisti

Kont nidħak b’ommi u missieri u forsi xi nies oħra ikbar minni meta kienu jgħaffġu l-ismijiet ta’ ċertu artisti. Illum qed nagħmilha jien! Peress li inti ma tkunx daqshekk intiż fil-mużika tal-lum, it-tendenza hi li taqbad xi diska tajba u tgħid, din ta’ GUNNA, NiCKI MINAJ, JASON ALDEAN u oħrajn! U biex tgħaxxaq, kultant tiftaħ ħalqek u tinkixef kemm int anzjan għax tisma’ xi diska li tkun xi remake tat-tmeninijiet jew disgħinijiet u tgħid din antika. Eżatt kif kien jagħmel missieri u tkompli billi tgħid li l-oriġinali isbaħ!

  1. Id-dati fuq l-internet

Taf li ħafna drabi b’irritazzjoni kbira jkollok iddaħħal id-data tat-twelid, però mhux tiktibha, imma trid toqgħod issibha f’dak il-kalendarju li ma naħmilx. L-ewwel trid issib is-sena u sa ma nasal fl-1977 inkun diġà ddejjaqt. Barra minn hekk, meta nirreġistra lill-impjegati tiegħi full-time jew part-time mal-kumpanija, ġieli tant neħodha bi kbira li għandi minnhom li twieldu fl-2004 li naħseb li qed nagħmel xi żball!

  1. Jgħaddilna iktar malajr

U biex nagħlaq l-iktar 10 favoriti tiegħi, naħseb affarijiet li qabel kont inġibhom bi kbar, issa sar jgħaddili malajr. Sirt indum ħafna iktar ma taqbiżli għax ngħid ma jaqbilx! Naħseb nista’ nikkonkludi li meta jgħidulek li tikber u timmatura, tfisser li inti tant tkun xbajt tirrabja ma’ xi ħadd li jiġik tard; ħalla d-dawl mixgħul; qasamlek minn xi triq; imweħħel fit-traffiku u l-bqija li mbagħad qisek tirrassenja ruħek għax taf li l-għajjat u r-rabja ma jwassluk imkien. B’hekk, finalment tkun tista’ tgħid li qiegħed timmatura!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com