Min ser iwaqqaf lill-Ħamrun din is-sena?

 Min ser iwaqqaf lill-Ħamrun din is-sena?

Ħamrun Spartans F.C. u Gżira United F.C. ġew eliminati wkoll mill-kompetizzjonijiet Ewropej biex issa, il-konċentrazzjoni ddur fuq il-kampjonat Premier li se jibda f’Settembru. Bħalissa, it-timijiet ikunu fl-aqwa żmien, f’dak l-imsejjaħ preseason u t-tournaments u l-logħob ta’ ħbiberiji għaddejjin ta’ sikwit. L-ikbar kurżità għad-dilettanti Maltin hija jekk Ħamrun hux se jerġgħu jiddominaw il-kampjonat jew hux se jkun hemm tim li kapaċi jagħti sfida denja lil dan it-tim.

Kulħadd konxju tas-saħħa li għandu dan it-tim. President bħal Joseph Portelli kapaċi jagħmel ċertu trasferimenti li l-klabbs l-oħra ma jagħmlux sforz in-nuqqas ta’ finanzi. Għalhekk, wieħed irid ikun innovattiv u jkun kapaċi jakkwista players tajba li mhumiex daqstant popolari. B’hekk, bi ftit flus tipprova ġġib akkwist li kapaċi jħalli effett fuq it-tim. Forsi l-aktar tim li kapaċi joffri sfida lill-Ħamrun huma Birkirkara F.C.: ir-rebbieħa tat-Trophy tas-sena li għaddiet. Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li l-istripes ħadu daqqa ta’ ħarta finanzjarjament meta m’għaddewx għat-tieni rawnd tal-Ewropa.

‌Fost dan kollu, wieħed jistenna li Balzan F.C. joffru sfida peress li kienu attivi fis-suq tat-trasferimenti. Barra minn hekk, wieħed għandu kurżità rigward Floriana F.C. u Valletta F.C. li s-sena l-oħra spiċċaw lura fil-klassifika. F’dawn l-aħħar snin, it-tim Belti lanqas ipparteċipa fl-Ewropa u għall-klabb din mhix aċċettabbli.

‌Wieħed irid jistenna wkoll x’se jiġri lit-timijiet ta’ Hibernians F.C. u Gżira United F.C.: żewġ klabbs li jidhru li huma għaddejjin minn problemi finanzjarji. Madankollu, Gżira, bil-kampanja tagħhom fl-Ewropa, akkwistaw xejn inqas minn €800,000.

Is-suq tat-trasferimenti jibqa’ miftuħ sal-aħħar t’Awwissu. Għalhekk, għalissa ma jistax ikollna stampa ċara ta’ x’kapaċi jiġri fil-kampjonat li jmiss.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com