Mort għall-kwiet il-baħar u qisni mort Paceville.
Mort għall-kwiet il-baħar u qisni mort Paceville.
Tkun ilek ġranet tistenna din il-ġimgħa ta’ mistrieħ: il-ġimgħa franka ta’ Santa Marija. Il-pjan ikun li tmur il-baħar għall-kwiet bit-tfal u l-familja. Kif tasal, issib bajja mimlija nies imma minn hawn u minn hemm, jirnexxielek issib post fejn tarma umbrella u erba’ siġġijiet. Tpoġġi bilqiegħda biex tapprezza l-veduta u l-ħsejjes tal-baħar u f’daqqa waħda, din ix-xena tinbidel fi storbju qawwi. Ta’ ħdejk ikun ilu armat bi speaker li bih ivenven bajja sħiħa b’diski tal-gosti tiegħu.
Mhux hekk biss, hawn min joħroġ bid-dgħajsa tiegħu mal-familja u wara li jkun ilu jippjana fejn ser imur u joħroġ kmieni biex jilħaq l-aqwa post, mal-ħin jilmaħ diversi dgħajjes li jorganizzaw il-famużi boat parties. Nies fis-sakra, jiżfnu, jgħumu u jaqbżu filwaqt li inti qiegħed tipprova tilgħab il-logħba ċama ċama u trid tgħajjat id-doppju biex ta’ miegħek jisimgħuk! Wieħed jistaqsi jekk dan kollu jistax isir u wara kollox, jekk hemmx xi liġi li tirregola dan l-aġir.
Imma dan huwa sewwa? X’taqbad tagħmel? Tgħidilhom sabiex ibaxxu l-volum u jirrispettaw lil ħaddieħor? Jew iddabbar rasek u ssib post ’il bogħod minn dan kollu?