Pajjiżna sar burdell fis-sajf? X’tip ta’ turiżmu qiegħed ikollna f’pajjiżna?
lbieraħ, iċ-Chamber of Commerce appella lill-gvern sabiex jirranġa s-sitwazzjoni tat-turiżmu li qiegħed jixħet dawl ikrah fuq Malta. Dan l-aħħar, il-midja internazzjonali qiegħda tpinġi lil dan il-pajjiż bħala post fejn wieħed faċilment isib alkoħol irħis, tipjip legali tal-kannabis u drogi fost oħrajn. Malta qiegħda tiġi deskritta bħala Magaluf il-ġdida: villaġġ turistiku f’Mallorca famuż għal xorb bla limitu. Oħrajn ixebbhu lil din il-gżira ma’ Amsterdam fuq il-baħar, li wkoll għandha konnotazzjoni negattiva.
Jekk wieħed imur sa Paceville, dan kollu jista’ jiġi osservat u biex ngħidu kollox, il-Maltin m’għadhomx jiffrekwentaw daqstant din iż-żona. Fuq Tiktok, jeżistu diversi filmati (minn persuni b’eluf ta’ segwaċi) dwar Malta. F’għajnejhom, f’Malta tista’ toħroġ ma’ nisa u tfajliet barranin u tattendi diversi parties.
Kemm dan it-tip ta’ turiżmu qiegħed iħalli impatt fuq l-ekonomija ta’ Malta ma nistgħux ngħidu, però, pajjiżna żgur qiegħed jidher ikrah. L-awtoritajiet għandhom jaħdmu biex din is-sitwazzjoni titranġa malajr kemm jista’ jkun. Ħadd ma jixtieq li fl-istaġun tas-sajf Malta tiġi deskritta b’dan il-mod u għalhekk xi ħaġa trid issir.