Żmien l-MIRC. Kont tużah?

 Żmien l-MIRC. Kont tużah?

ASL please?

O Żmien ħelu kif ħallejtni! Lejn l-aħħar tas-snin 90 u l-bidu tal-millenju, l-internet kien għadu fil-bidu tiegħu. Ħafna kienu jużawh wara s-sitta ta’ filgħaxija għax dak il-ħin stajt tuża l-internet b’xejn bid-dial up iżda dawk naqra iktar sinjuri, kellhom konnessjoni ADSL. Kemm kien ħelu l-ħoss tad-dial up; tistenna li taqbad mad-dinja diġitali!

F’dawk iż-żminijiet kien hemm xi ħaġa li għamlet l-internet sabiħ u li biddlet il-mod kif nikkomunikaw, u dawn kienu l-programmi ta’ Chatting. Dak iż-żmien kienet xi ħaġa innovattiva u li kulħadd spiċċa mwaħħal mal-PC biex jiċċettja ma’ nies li jafhom u anki le. Kien hemm ħafna programmi però, l-aktar popolari kien l-MIRC li għadu jintuża sal-lum. Dan kien jaħdem billi inti tagħżel isem tal-utent (username) u tidħol fl-imsejħa chat rooms. Kulħadd seta’ jiftaħ waħda li u mbagħad tkun l-operatur tagħha. Madankollu, kien hemm oħrajn stabbiliti li fihom kien ikun hemm mijiet u anka eluf ta’ nies jitkellmu.

Kien hemm żewġ modi kif tiċċettja fuq l-MIRC: fil-kamra ġenerali li kulħadd seta’ jikteb u jara xi ktibt jew inkella tagħżel utent mil-lista tal-ġenb u toħloq chat privata miegħu. F’każ li inti ma tafx min hi din il-persuna, l-ewwel kelma li kont tikteb kienet tkun ASL li tfisser Age, Sex u Location u ovvjament, kien hemm min jgħid il-verità u kien hemm min jigdeb. Permezz ta’ chat privata stajt anki tibgħat ritratt imma kien idum biex jasal naqra mhux ħażin. F’Malta, l-aktar chat room popolari kienet Malta li fiha kien ikun hemm l-eluf: min għall-gost, min biex jgħabbi u min biex forsi jaqbad man-nies.

Lejn l-aħħar tal-popolarità tal-MIRC, beda programm ieħor bl-isem MSN iżda dan għalaq wara li tfaċċaw websites bħal Hi5 u bl-iktar popolari Facebook.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com