It-tfal tagħna joħorġu preparati sew għall-ħajja wara l-iskola?
Meta xi drabi nibda nara programmi Taljani jew anke Ingliżi u ninzerta xi intervisti ma’ tfal dejjem nimpressjona ruħi kemm dawn it-tfal għalkemm f’età tenera jafu jitkellmu u anke ma jistħux. Għalkemm żgħar fl-età jafu jkomplu mal-persuna li tkun qed tintervistahom u taħsbek qed tisma’ adult jitkellem. Mhux l-istess nista’ ngħid għat-tfal Maltin li ħafna drabi jwieġbu iva jew le u ma jkunux komdi quddiem kamera. Tgħidu biex ġej dan dalghodu!
Din hija xi ħaġa li mhux jien biss ninnotaha u l-probabbiltà li r-raġuni għal dan kollu hija s-sistema edukattiva tagħna li timbuttak biex titgħallem kollox bl-amment u ma tagħtikx spazju biex tkabbar u tiftaħ il-ħsieb tiegħek. U jekk trid, tista’ tara anke intervisti ma’ żgħażagħ u adulti li mhux kapaċi jitkellmu fuq suġġett partikolari. Kemm is-sistema edukattiva tagħna qed tgħin biex għada pitgħada jkollna ċittadini Maltin li kapaċi jikkritikaw, kapaċi jaħsbu, kapaċi jsemmu leħenhom? Meta se jinbidel xi ħaġa biex ikollna tfal u żgħażagħ li kapaċi jaħsbu u jikkritikaw? Jew huwa komdu li nibqgħu b’din is-sistema edukattiva?
Inti x’taħseb?