“Kien iwaħħal f’missieri li jiena gay”

 “Kien iwaħħal f’missieri li jiena gay”

“Waqt il-qrar, il-qassis kien jitlob it-talba ta’ San Mikiel Arkanġlu, it-talba li jgħid il-qassis waqt l-eżorċiżmu.”

Dan kien il-kliem li qaltilna tfajla li spjegatilna dak li għaddiet minnu fi żmien ta’ qabel ma għamlet il-coming out.

Tistqarr li f’ħajjitha dejjem fittxet lil Alla u saħanistra kienet f’mixja spirtwali.

“Kont f’mixja spirtwali u meta kont immur inqerr għand qassis partikolari, kont ngħidlu li naħseb li jiena persuna gay. Kien jgħidli, “tgħidx hekk imma għid li inti bint Alla u talab it-talba ta’ San Mikiel Arkanġlu. Kont naf li din hi l-istess talba li tingħad waqt l-eżorċiżmu għax kont f’mixja spirtwali.”

Iżżid tgħid li kien anke jgħidilha li nieqsa mill-imħabba paterna. “Kien anke daħħalli f’moħħi li missieri naqas milli jgħannaqni u jħobbni. Dak il-ħin għedt f’qalbi, missieri dejjem ħabb lili u lil ħuti l-istess, allura għala ħuti mhumiex gays ukoll. Meta sar jaf jien x’jien, il-papà qalli, “Inti binti u l-importanti li narak kuntenta.”

Minkejja dawn l-episodji, din it-tfajla xorta għadha temmen fil-Knisja. “Tgħiduli kif għadek temmen fil-Knisja? Jiena bħala Nisranija qatt ma nista’ nifred il-Knisja minn Ġesù għax għalija ħaġa waħda. Ħadd mhu perfett. Kulħadd midneb. Teoriji bħal sibt lil Gesù u fejjaqni minn din il-marda, jiena nirrispondihom hekk: jiena lil Alla sibtu (jew aħjar sabni) qabel ma rrealizzajt li jiena gay u kien, għadu u jibqa’ jħobbni. Li tkun gay mhijiex għażla. Mhijiex dnub. Emmnuni kieku għazla, ħadd ma jagħżel li jkollu jgħaddi minn ostakli bħal dawn. Kun inti.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com