Illum il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani

 Illum il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani

Fl-ewwel ta’ Ottubru ta’ kull sena niċċelebraw il-Jum Dinji għall-Anzjani. Dan wara li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda kienet għaddiet riżoluzzjoni dwar l-idea ta’ dan il-jum ċelebrattiv fl-14 ta’ Diċembru tal-1990. L-iskop kien u għadu li titqajjem aktar kuxjenza dwar l-isfidi kontinwi li jaffaċċjaw l-anzjani fis-soċjetà internazzjonali. Dawn ivarjaw minn sfidi b’relazzjoni mal-moderniżmu, diġitilizzazzjoni, sostenibbilità, u anke r-reżiljenza tal-anzjani f’dinja li qed titbiddel kontiwament b’rata mgħaġġla. Suġġett li tqajjem f’jum dinji ċċelebrat ftit biss ilu, kien hemm dak tal-pandemija; kif l-anzjani għexu dan iż-żmien u l-bidla u l-effetti li ħalliet fuqhom il-Covid-19 matul u wara li ntemmet. It-tema magħżula għall-jum dinji ta’ din is-sena hija: It-twettieq tal-wegħdiet għall-Anzjani li saru mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-jum huwa wkoll iċċelebrat biex jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet tal-anzjani u ssir eżaminazzjoni ta’ kwistjonijiet diversi li jaffettwaw lil ħajjithom. Huwa jum li jipprovdi opportunità biex ilkoll kemm aħna ngħarfu iżjed u napprezzaw il-kontribut u l-għerf, li taw lis-soċjetà li ngħixu fiha kif ukoll inħarsu iżjed b’impenn ġenwin, id-dinjità u l-bżonnijiet li dawn iċ-ċittadini jkollhom bżonn. Huwa fi dmirna li lkoll naħdmu id f’id biex nassiguraw l-aqwa kwalità ta’ ħajja għal din il-faxxa importanti tas-soċjetà. Għalkemm huwa loġiku li niftakru li xi darba, dawn l-anzjani huwa wkoll kienu tfal u żgħażagħ kif ukoll li lkoll kemm aħna għad insiru anzjani bħalhom aħna stess jekk ikollna x-xorti ngħixu, sfortunatament din il-loġika spiss tintesa.

Nistmawhom biżżejjed lill-anzjani fil-familja tagħna? Jew narawhom bħala toqol u piż fuqna? Niftakru, li jekk il-Bambin jislifna l-għomor, xi darba aħna wkoll għad inkunu anzjani. Apparti li dawn l-anzjani, grazzi għalihom, aħna qed neżistu llum!

Insellmu lill-anzjani kollha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com