Tinkwieta li ħadd ma jiġi għall-funeral tiegħek?

 Tinkwieta li ħadd ma jiġi għall-funeral tiegħek?

Kos … naħsbu fuq kollox u anke fuq il-mewt. Anke jekk dan mhux suġġett daqstant eċitanti. Imma iva rridu naċċettaw il-fatt li l-mewt tkun fi ħsiebna wkoll anke jekk ma nammettux.

Imma ejja ngħidu l-verità … qatt għaddielkom ħsieb jekk ikollokx nies fil-funeral tiegħek? Forsi titbissem jew tieħdu bis-serjetà dan is-suġġett. L-opinjonijiet ivarjaw. Issib min jirraġuna li la tkun tlaqt, jagħmlu li jridu. Oħrajn jaħsbuha li tkun ħaġa sabiħa ta’ sodisfazzjon li għall-funeral ikollok attendenza numeruża anke jekk is-sodisfazzjon ma tistax tħossu għax tkun tlaqt? Jew forsi tarah u tħossu minn hemm fuq! Dibattibbli din.

Fil-verità, bost jattendu funerali għal raġunijiet varji; minn politiċi għall-voti, sa oħrajn b’rispett lejn il-familja li tibqa’ wara. Ovvjament ikun hemm min veru jħoss in-nuqqas tal-persuna u forsi kien jafha u jkun jixtieq juri u jagħti l-aħħar tislima permezz tal-preżenza fil-Knisja jew fiċ-ċimiterju.

Imma, jekk taħseb ftit, dan il-ħsieb fuq li jiġu jew ma jiġux nies għall-funeral, m’għandux jinkwetana għax hemm ħafna nies oħra li ma jmorrux għal dawn il-mumenti għaliex iħossu li jweġġgħu u jimmissjaw iżjed il-persuna, forsi jiftakru f’xi qarib/a li jkun ħalla din id-dinja qabel, jew forsi jkunu jixtiequ jiftakru lill-persuna fl-aħjar tagħha. Jiġifieri, jiġu jew ma jiġux nies, ma jfissirx li int irrispettat inqas jew iżjed. In-nies preżenti huma sbieħ imma ma jfissirx li kollha jkunu qed isellmulek.

Strieħ fis-sliem

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com