X’inhu l-aħjar; fasting jew dieta bilanċjata?

 X’inhu l-aħjar; fasting jew dieta bilanċjata?

Il-Fasting (sawm) sar popolari mmens. U jaħdem għal ħafna. Imma mhux fuq kulħadd. Sfortunatament teżisti l-mentalità li għax suġġett jibda jissemma u jsir komuni u pprattikat minn ħafna, nibdew naħsbu li hekk irridu nagħmlu. Imma mhux il-fatt. Din hija idea żbaljata.

Li tikkonsma ikel f’dieta bilanċjata tgħinek iżżid l-immunità u tnaqqas ir-riskji ta’ mard. Tajjeb li wieħed jieħu parir mediku qabel jiddeċiedi li jmur għal dieta jew oħra. Ma jfissirx li għax ħajtek hija tiegħek, u inti l-kmand tagħha, mela agħmel li trid. Ovvjament agħmel int, imma tajjeb li taħseb ftit u tara x’għandek bżonn mhux dejjem xi trid.

Il-fasting jaħdem billi persuna toħloq ‘time frame’ li fiha tkun tista’ tiekol u mbagħad, għal sigħat sħaħ ma tmiss xejn ħlief likwidi. Hemm min jagħżel li jiekol ikla waħda biss imbagħad isum jew inkella jazzard jagħmel 20 siegħa b’xejn u jnaqqar/jiekol f’erba’ sigħat. F’dan it-‘time frame’ li semmejt issib min jiekol li jixtieq u hemm min xorta joqgħod attent li ma jaqbiżx il-limitu tiegħu ta’ kaloriji. Bla dubju, hawn min din isibha komda u idea b’saħħitha, u jara wkoll riżultati ferm sbieħ. Mhux kulħadd l-istess.

Hemm imbagħad min jistressja ruħu li kważi jkun qed imut bil-ġuħ (skont l-espressjoni Maltija) u ma jkunx jiflaħ jissaporti, tant li jkun qed jistenna bil-ħniena li jasal ħinu biex jiekol xi ħaġa. Dan joħloq sagrifiċċju kbir u kapaċi wkoll iżid abitutdnijiet ġodda bħal ngħidu aħna, iżid il-kafè jew sigaretti. Jitnerveż iżjed jew jimtela b’ansjetà bla bżonn.

Mill-banda l-oħra, għadha wkoll popolari d-dieta li tiekol ftit minn kollox imma b’mod moderat kull 3 sigħat. Mhux kulħadd l-istess.

L-importanti li jkollok saħħa tajba, tħossok tajjeb u ma toħloqx inkovenjenzi ġodda bla ma jkun meħtieġ. Ħajtek tiegħek. Ħu ħsiebha u dejjem ħu parir. Bi ftit attenzjoni kapaċi tagħżel l-aħjar stil ta’ ħajja għalik. Tgħaggilx. Nawgurawlkom ġurnata mill-isbaħ.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com