Il-Bambin għad għandu post fil-Milied tagħna?
Fi tmiem il-ġimgħa li għadda flimkien mal-familja morna fi stabiliment kbir lokali biex nixtru xi armar tal-Milied għad-dar. Ma’ għandniex xi ngħidu, f’dan il-ħanut kien hemm kull tip ta’ armar għall-gosti ta’ kulħadd, ġmiel ta’ ornamenti u tiżjin għal dan iż-żmien ta’ ġabra tant sabiħ. Però xi ħaġa li nnutajt kienet li ma kienx hemm oġġett wieħed relatat mar-reliġjon li hija suppost il-fulkru ta’ din il-festa. Ma rajtx bambin ġo maxtura wieħed jew inkella xi tip ta’ presepju li jfakkru l-ġrajja li minnu ħareġ il-Milied.
F’moħħi mal-ewwel nibtet il-mistoqsija, il-bambin u l-presepju għad għandhom posthom fil-Milied Malti? Niftakar fi żmien ilu fejn il-bambin kien iċ-ċentru ta’ dawn il-festi però qisu dawn iż-żminijiet nagħtu aktar każ tal-affarijiet materjali kif se nżejnu id-dar, x’se nilbsu biex nidhru sbieħ u mmorru għad-drinks mal-ħbieb. Dawn li għadni kemm semmejt huma kollha affarijiet sbieħ però wieħed ma jridx jinsa ċ-ċentru ta’ dawn il-festi.
Ejja ma’ nitilfux dak li l-ġenituri tagħna u ta’ qabilhom tant ħaddnu f’qalbhom. Ejja nieħdu lit-tfal tagħna l-funzjonijiet sbieħ li jsiru fil-knisja, fil-mużewijiet u nieħduhom jaraw il-presepji. Hekk biss ikollna tassew Milied sabiħ u fil-paċi.