Iż-żmien ta’ wara l-Covid
Is-sentejn li għamilna bl-emerġenza covid issa ilhom naqra li għaddew, ir-rota reġgħet bdiet iddur u bdejna ngħixu n-normalità. Ejja nkunu onesti, ma kienx żmien faċli u ħadd ma kien jaf x’ser jiġri, jekk mhux ser noħorġu minn dik is-sitwazzjoni u kif. Imma għall-grazzja ta’ Alla l-umanità irnexxielha toħroġ rebbieħa fuq dan il-virus qerriedi.
Iżda illum, kemm il-ħajja reġgħet ġiet għan-normalità? Hawn min jikkumenta li għalkemm għadda kollox però xorta waħda ma jħossuhomx li jinsabu fl-istess stat ta’ qabel il-covid. Qed nisimgħu b’ħafna każi ta’ ansjetà u dipressjoni, qed nisimgħu li hawn min qed iħossu mhux sew. Jekk dawn il-każi ma żdidux jew le aħna m’ aħnhiex f’pożizzjoni li nagħtu risposta, jista’ jkun li hija biss perċezzjoni però ejja nagħmlu kuraġġ lil xulxin, żmien iebes jgħaddi minnu kulħadd. L-awtoritajiet Maltin, is-sena l-oħra waqqfu help line għal min għaddej minn xi diffikulta mentali, u jekk inti tħoss li għandek bżonn l-għajnuna tista’ ċċempel fuq 1579, linja miftuħa 24 siegħa kuljum. Ftakar li m’intix waħdek.