Tkun qed tħobb lil xi ħadd billi tisimgħu
Din forsi noħduha ‘for granted’ wisq. Imma hija meħtieġa u bżonnjuża iżjed illum minn qatt qabel minħabba l-fatt li l-midja soċjali ħaditilna ħajjitna fl-intier sħiħ tagħha f’kull ħin.
Naraw familji u gruppi ta’ ħbieb fuq mejda li suppost ikunu ħarġu biex jiltaqgħu ftit u jqattgħu ftit ħin flimkien; ir-realtà … iqattgħu ħin ħdejn xulxin imma mhux flimkien għaliex għajnejhom ikunu ffukati fuq il-mobile u x’se jitfgħu biex juru fejn qegħdin u x’qed jagħmlu. Mentri l-kwalità tal-ħin propju, mhux igawduh.
Dan iwassal biex persuna li trid tiftaħ qalbha, issibha sfaċċatament diffiċli titkellem b’mod komdu għaliex jiġru sitwazzjonijiet (u dawn veri – ilkoll nafu li veri) fejn tibda titkellem u jkollhom tweġibiet ‘erm, ehe, iva, mhux hekk, kos’ għaliex il-persuna l-oħra ma tkunx verament qed tisma’.
Huma ħafna l-mumenti li aħna bħala bnedmin irridu min jismagħna. Ejjew ma nitilfux din l-għajnuna sabiħa, sempliċi u effettiva b’mod frivolu.