X’inhuma l-Fungi?
Ħeqq, pizza ai funghi hux! Hekk hu, ejja nibdew minn hemm. Normalment meta nsemmu l-fungi nirreferu għall-faqqiegħ li huwa l-parti riproduttiva tal-fungu. Biex nagħmlu paragun, il-fungu qisu siġra bi friegħi irqaq immens (imsejħa miċelju) li tgħix kompletament taħt l-art, moħbija minn l-għajn. Inkella tista’ tkun tgħix fl-injam ta’ xi zokk ta’ siġra li qed tmut. Dan il-miċelju tant hu rqiq li jinfed l-injam! Il-faqqiegħ huwa paragunabbli mal-fjura ta’ din is-siġra magħmula mill-miċelju; l-organiżmu li jagħmel iż-żerriegħa li fil-każ tal-fungi tissejjaħ spori. Kull faqqiegħ jipproduċi miljuni ta’ spori u dawn tant huma żgħar li jittajru mal-arja ta’ madwarna u neħduhom man-nifs mingħajr ma nindunaw. Kif jiġu u x’jagħmlu l-ispori huwa suġġett erotiku għal artiklu ieħor.
Biss biss ngħidilkom li l-Oregon hemm fungu kbir 5 kilometri u għandu elfejn sena … u qabel id-dinosawri l-art kienet ikkolonizzata minn familja ta’ faqqiegħ ġgant jissejjaħ ‘Prototaxites’ li kien jkber sa 8 metri għoli.
Ara x’pizza tagħmel bih!
Biex żgur nitfixklu, l-anqas ix-xjentisti ma jaqblu fuq kemm hawn varjetajiet ta’ fungi fid-dinja però biex naqtgħuha jistmaw li hawn bejn 2 u 6 miljuni. Minn dawn għadna skoprejna biss xi 120 elf u f’Malta għandna nies li skoprew fungi ġodda. L-istudju tal-fungi jissejjaħ ‘myclogy’ u allura n-nies li jistudjawhom jissejjħu ‘mycologists’. Hemm fungi li jagħmlu il-faqqiegħ u dawk li ma jagħmlux faqqiegħ, li nafuhom bħala moffof. Dawn il-moffof huma importantissmi għalina għaliex jew iħassru l-ikel li ma jkunx għadu tajjeb għall-konsum jew inkella itejbu ikel bħal ġobnijiet u salami li fuq il-qoxra tagħhom għandhom moffof speċifiċi. Per eżempju, il-ġobon Camembert jieħu t-togħma tiegħu mil-moffa Geotrichum candidum u l-ġobon tat-tursina ma fihx tursin però fieh il-moffa Penicillium roqueforti. Qed idoqqlok qanpiena dan l-isem? Penicillium hija wkoll il-moffa li minnha ssir il-peneciline; mediċina li tintuża biex teqred moffof u batterji li jistgħu jkunu ta’ dannu għal saħħet il-bniedem u li ssalva mijiet ta’ eluf ta’ ħajjiet kull sena.
Moffof oħra li ma semmejniex huma dawk imsejħa ħmira li nużaw biex nagħmlu l-birrer, l-imbejjed, il-ħobż, il-kejkijiet u l-pizza.
U hawn erġajna ġejna għall-pizza li bdejna bieha. Kif nittama li fhimtu s’issa, il-fungi huma ħafna aktar minn faqqiegħ għal fuq il-pizza jew sempliċement ikel. Fil-fatt il-fungi la huma pjanta u l-anqas annimal.
Bioloġikament huma simili aktar ta’ annimal u dan għaliex ma jużawx ix-xemx biex jagħmlu l-ikel tagħhom (bħal fotosinteżi fil-pjanti) iżda jitilqu enżimi li jmermru materjali organiċi u li minnhom jassorbu in-nutrijenti li għandom bżonn. Hawn fungi (Pleurotus sp.) li saħansitra jikkaċċjaw dud mikroskopiku (nematodes) biex minnhom jieħdu n-nutrijenti.
Insomma, ħa nieqaf hawn għax il-Mara tgħidli li la nibqa’ nredden fuq dan is-suġġett ma nieqafx. Jien Godwin, għandi pjaċir, u avolja m’inix xi ‘mycologist’ ser inkun qed naqsam magħkom sensiela ta’ artikli biex inżidu l-għarfen fuq is-suġġett b’mod sempliċi u ftit umoristiku, għaliex le. Fil-fatt dan huwa suġġett vast immens li jeħodna f’dinja ta’ ħolqien stramba u misterjuża u li llum missejnielha kemm kemm il-wiċċ.
U bilħaqq, jekk meta tinża l-kalzetti toħroġ riħa ta’ ġobon tas-sajd…dik moffa wkoll; ‘Trichophyton’. Però jekk jgħoġbok tipprovax tagħmel il-ġobon biha!
Miġjub lilkom minn MycoMalta