Il-Milied u l-Faqqiegħ…x’Għandom x’Jaqsmu?

 Il-Milied u l-Faqqiegħ…x’Għandom x’Jaqsmu?

Meta nsemmu l-Milied u l-faqqiegħ forsi niftakru f’xi biċċa meatloaf biz-zalza tal-faqqiegħ, jew f’xi dundjan mimli bil-faqqiegħ, però m’hux fuq hekk ser nitkellmu llum.

Ġieli staqsejtu lilkom infuskom l-oriġinijiet tal-Father Christmas, tal-kuluri abjad u aħmar, tas-siġra tal Milied u tal-affarijiet li ndendlu magħha? Mela ħalli nispjegawlkom.

Fl-Ewropa ta’ fuq, fis-silġ tas-Siberja ħafna mijiet ta’ snin ilu, l-indiġeni kienu jiċċelebraw il-winter solistice (li hija l-iqsar ġurnata tas-sena) billi jiġbru l-fungu Amantia muscaria li fih sustanza allucinogena qawwijja wisq għall-bniedem. Biex ma tibqax daqshekk qawwijja, kienu jdendlu dan il-faqqiehħ mas-siġar, iċ-ċriev jiekluh (għax lilhom ma jagħmillhom xejn), u imbagħad in-nies jiġbru l-awrina taċ-ċriev li kien ikun fiha tossiċità biżżejjed biex min jixrobha jieħu trip tajjeb mingħajr ma jirriskja li jmur jiltaqa’ mal-ħallieq bla ħsieb.

Ġieli kienu jdaħħluh fi kmiem taċ-ċarruta u jdendulh ħdejn in-nar biex jitqadded u b’hekk itaffu l-qawwa tiegħu. Il-konsum tal-faqqiegħ imqadded jew ta’ din l-awrina tossika jagħti sensazzjoni ta’ ferħ, saħħa u aġilità. Dan il-proċess kien isir mis-sħaħar ta’ dawn it-tribuijiet polari li għall-okkażżjoni u biex jimitaw l-ilwien tal-faqqiegħ kienu jilbsu bl-abjad u bl-aħmar.

Wara li jkunu kielu il faqqiegħ imqadded jew xorbu l-awrina allucinogena kienu jduru minn tinda għall-oħra tal-villaġġ tagħhom u jqassmu l-faqqiegħ biex iferrħu lill-oħrajn ukoll.

Mela, il-Father Christmas huwa s-saħħar trippjat idur minn tinda għal oħra. Ir-rigali huma l-faqqiegħ Amantia muscaria (jew fly agaric) li jagħti l-ferħ lil kulħadd. Il-christmas tree hija s-siġra bil-faqqiegħ imdendel għaċ-ċriev u l-abjad u l-aħmar huma l-kuluri ta’ dan l-istess faqqiegħ li kumbinazzjoni huma l-istess kuluri ta’ ditta popolari tal-cola u li kkumerċjalizzathom fil-ħamsinijiet.

Mela għall-Milied li ġej, jekk ikollok il-mistednin, tinsiex toffrilhom ftit faqqiegħ tossiku imqadded u żewġ grokkijiet awrina allucinogena. …però qatt ma fhimna kif kienu jiġbru l-awrina minn mal-warrani taċ-ċriev.

Segwu l-paġna MycoMalta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com