Se tmorru l-purċissjoni tal-Bambin lejlet il-Milied?
Lejliet il-Milied, fit-toroq ta’ Malta u Għawdex issir il-purċissjoni tradizzjonali ta’ Ġesù Bambin. Issir ukoll fil-pajjiżi fejn is-Soċjetà tal-MUSEUM hi preżenti.
Din il-purċissjoni, li tissejjaħ ukoll id-dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin, kienet għall-qalb San Ġorġ Preca, u fil-fatt kien hu li beda din il-purċissjoni f’Diċembru tal-1921.
L-istatwa tal-Bambin tintrefa’ miż-żgħażagħ u tfal fost fanali mdawlin u kant tal-għanjiet tal-Milied. Wara l-purċssjoni jsir programm ta’ kant, il-priedka tradizzjonali tat-tifel, djalogi u poeżiji.
Hi drawwa li jittella’ presepju għal dawk li jkunu attendew għall-purċissjoni u tingħata qagħqa tal-għasel lil kulmin ikun ħa sehem fil-purċissjoni.
Intom sejrin għall-purċissjoni din is-sena? Jew tarawha li m’għadux lokha? X’taħsbu dwar dan?