Xummiemu reġa’ magħna … tiftakruh?

 Xummiemu reġa’ magħna … tiftakruh?
Għadu kif ġie mniedi proġett nazzjonali biex ‘inżommu nadif flimkien’; fil-fatt din hija t-tema li d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni b’kollaborazzjonijiet ma’ sitt entitajiet oħra għażel. Dawn l-entitajiet huma: Public Works Department, Tourism Zones Regeneration Agency, Infrastructure Malta, Transport Malta, Water Services Corporation u l-Enemalta. L-iskop huwa li tiġi indirizzata l-indafa pubblika f’żoni residenzjali f’pajjiżna.
Dan il-proġett se jkollu wkoll investiment ta’ €5.2 miljun f’apparat teknoloġiku u ambjentali bil-ħsieb li Clean Malta tkun iżjed effiċjenti f’xogħolha. Ser naraw ukoll il-manutenzjoni ta’ tappieri tal-ilma, tibdil ta’ bozoz li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Enemalta, tibdil ta’ tabelli fit-toroq, manutenzjoni ta’ pavimentar u għamara, żebgħa tal-linji u għamara, knis u qtugħ ta’ ħaxix selvaġġ fost l-oħrajn.
Flimkien ma’ dan ser nerġgħu naraw il-karattru ta’ Xummiemu li jħeġġeġ għal ambjent aħjar f’pajjiżna. Żgur li ħafna minnkom tiftakruh!
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tenna li dan il-proġett ser iwassal messaġġ qawwi li ż-żamma tal-indafa pubblika u l-manutenzjoni hija importanti. Inutli jkollna l-isbaħ imkejjen ta’ divertiment u siti storiċi jekk ma nkunux iddixxiplinati dwar kif nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna. Ma’ dan, il-Ministru spjega kif se jsir l-infurzar għal min jiddeċiedi li jabbuża.
Ejjew nitgħallmu nħobbu iżjed lil artna. Barra huwa darna wkoll.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com