7 sinjali li juru li l-bniedem li dejjem jitbissem u jiċċajta, ikollu swied il-qalb
Mhux kull ma jleqq hu deheb. Jekk aħjar ‘smile although your heart is aching’ kien qal Charlie Chaplin li kien komiku popolari imma li kien magħruf sew għal kemm kien imdejjaq f’ħajtu. U hekk hu. Mhux kull min jidħaq, jiċċajta u jdaħħaq lill-oħrajn huwa ferħan.
Dawn huma 7 sinjali li forsi jgħinuna nintebħu min jista’ jkun qed jgħaddi minn dan li qed nitkellmu fuqu:
- Ikunu l-buffi tal-grupp. Fake it till you make it jgħidu. U forsi dan ikun mekkaniżmu biex il-persuna tkampa. Tħoss li trid tiċċajta u f’dak il-mument tkun qed tistrieħ ftit mill-emozzjoni nterna li forsi tkun imkissra.
- Jissoċjalizzaw ħafna kważi żżejjed jew ftit, kważi xejn. L-estremi. Għalkemm nies li jkunu ftit imdejqin jippruvaw jintegraw f’ħajja soċjali bis-saħħa, hemm oħrajn li jħossu li aħjar jinqatgħu ftit mis-soċjetà. Malli joħorġu, jilbsu maskla biex juru li kollox sew.
- Ikunu dejjem imħabbtin. Jaraw fhiex jinfexxu u jimlew ħajjithom tant li qas ikollhom ċans għall-pawża ta’ rilassament. Ir-rilassament tagħhom ikun ħin l-irqad; jekk jorqdu kemm suppost. Ikunu dejjem f’ġirja kontra l-ħin.
- Ma jiftħux qalbhom. Iżommu ġo fihom. Dik il-frażi li nużaw ħafna bil-Malti. Anke jekk issaqsiehom, jinsistu li kollox sew u jdawrulek is-suġġett.
- Juru pożittività tossika. Ferħ falz. Jekk tagħmel hekk, persuna tidħol f’dipressjoni u ma tkunx qed tkun hi. Ma tistax tippressa l-emozzjonijiet tiegħek ġo fik u tħalliehom hemm qisu ma ġara xejn għax fl-aħħar il-borma tisplodi.
- Ikunu perfezzjonisti. Iridu kollox eżatt biex iħossuhom stabbli. Alla ħares tmiss tazza u ma terġax tagħmilha f’postha għax tkun qisha l-aħħar tad-dinja. Ma tistax tgħix dejjem hekk għax tiġġennen.
- Ifittxu l-ħarba f’kollox. Jinvolvu ruħhom, isiefru kemm jistgħu, jimpenjaw ruħhom… basta jaħarbu milli jaffaċċjaw realtà.
Dawn huma sinjali li persuna għandha tieħu ħsieb kemm hi nnifisha jekk qed taqra dan l-artiklu u kemm in-nies tal-madwar li jridu jinkoraġixxu u jgħinu anke bil-kliem. Kliem bħal ‘u ejja mara bħalek għandek kollox’ , ma jkunux qed jagħmlu ġid. Persuna trid li tkun mifhuma u kompassjoni.