Aħsiblu jekk tħobb il-kusksu

 Aħsiblu jekk tħobb il-kusksu

Hekk kif ix-xitwa tibda turi snienha, il-platti sħan jibdew jissajjru b’mod aktar frekwenti. Xi soppa tal-armla, xi ftit aljotta jew xi platt kusksu ma jonqsux! Tgħidli, għadu wisq kmieni biex tibda taħseb dwar il-kusksu, hekk kif dan il-platt jissajjar aktar fir-rebbiegħa meta jkun hawn il-ful frisk.

Iżda sabiex ikollna l-ful frisk fir-rebbiegħa, dan irid jinżera’ matul ix-xahar ta’ Jannar. Imma kont taf li l-ful tista’ tkabbru anke d-dar?

Il-ful huwa popolari tant għax hawn Malta ingawdu ħafna jiem ta’ xemx, li joħolqu l-atmosfera perfetta li għandu bżonn il-ful sabiex jikber. Il-ful għandu jinżera’ b’mod strateġiku fi spazju kenni li jintlaqat mill-inqas mir-riħ. Bejn kull żerriegħa għandek tħalli bejn 20 u 25 ċentimetru ta’ distanza u jrid ikun hemm fond ta’ 5 ċentimetri mill-wiċċ tal-ħamrija. Jekk bi ħsiebek tiżra’ iktar minn filliera waħda, ara li tħalli madwar 60 ċentimetru bejn filliera u oħra. B’hekk l-għeruq ikollhom biżejjed spazju fejn jinfirxu. Ġeneralment, tibda tara sinjal ta’ ħajja fi żmien 10 ijiem, hekk kif ix-xitla tibda tiela’ ftit ftit. Malli din tibda ttella’ l-fjuri, ibqa’ saqqiha b’mod regolari.

Normalment, minn Mejju ‘l quddiem tista’ taħsad il-ful u tagħmel dak il-platt kusksu bnin li tant tkun ilek tistenna!

Kont taf?

Il-ful huwa tajjeb ħafna għall-bniedem għaliex fih ħafna proprjetajiet sustanzjużi, inklużi l-vitamini B u Ċ. Il-ful huwa ta’ benefiċju għal saħħtek fejn jidħlu l-għadam, il-funzjoni tal-moħħ u anka t-tisħiħ tas-sistema immunitarja.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com