Fl-1 ta’ Jannar … tara nies diġà qed iżarmaw!
Manija kerha tagħna. Bħal ma għandna tradizzjonijiet sbieħ, għandna wkoll drawwiet li forsi ndraw u saru norma f’pajjiżna u li huma ftit ta’ swied il-qalb.
Ovvjament mhux kulħadd iħobb il-festi u int li qed taqra forsi tgħid, ‘dawn kemm se jagħmlu għaġeb’.
Baqa’ l-Epifanija. Festa meta l-maġi żaru lil Ġesù Bambin fl-għar ta’ Betlehem u offrewlu r-rigali tagħhom. Festa li kienet inqatgħet fi żmien it-tmexxija tal-perit Mintoff għal raġunijiet differenti.
Il-Knisja f’Malta tiċċelebra din il-festa xorta waħda iżda tagħmilha fl-ewwel ħadd ta’ wara l-ewwel tas-sena, jiġifieri f’każ li l-ewwel tas-sena jkun is-sibt, l-għada l-ħadd li jiġi t-2 ta’ Jannar, tkun qed tiġi ċċelebrata l-Epifanija.
Mhux hekk isir fl-Italja u pajjiżi oħra fejn din tkun iċċelebrata bil-kbir. Mhux biss reliġjożament imma wkoll kulturalment tant li n-nies jerġgħu jiltaqgħu għal ikla bejniethom u jagħtu r-rigali.
Fl-Italja u fi Sqallija, li huma daqstant viċin tagħna, jiċċelebraw ukoll il-figura marbuta ma’ dan iż-żmien; il-befana. Bħal meta fil-Milied daħal il-father Christmas, din daħlet mal-Epifanija. Fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Jannar, it-tradizzjoni hi li saħħara ddur it-tfal u tpoġġi ħelu għat-tfal ta’ mġieba tajba jew faħma għal dawn ta’ mġeiba mhux xierqa.
Intom x’taħsbu? Il-Maltin iħobbu jżarmaw kmieni?