“Id-droga iġġiegħelek tara biss in-negattiv, imma llum jiena clean”
Mhux l-ewwel darba li tisma’ persuna tirrakkonta ż-żmien li fiha affaċċjat il-vizzju tad-droga, li tgħidlek li d-droga iġġiegħelek tara biss in-negattiv. Dan l-istess kliem qalu Clinton Camilleri f’intervista ma’ Stradarjali.
Semma kif tlief lil missieru ta’ età żgħira u ma kienx jaf kif jaffaċċja sitwazzjonijiet ta’ niket bħal dawn. Beda bl-alkoħol meta kellu biss 14-il sena u maż-żmien spiċċa wasal sabiex jibda jieħu l-kokaina. Qal li l-vizzju jibda bid-darba ‘l hemm u ‘l hawn, sakemm jispiċċa jsir xi ħaġa ta’ kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd.
Irrimarka li f’dawk iż-żminijiet kellu kollox. Kien beda jaħdem ma’ taż-żibel, imbagħad eventwalment biddel xi xogħlijiet li wassluh sabiex jasal għall-irwol ta’ maniġer. Minkejja dan, xorta dejjem kien iħossu mnikket. Aktar kemm jieħu droga, aktar bdiet issir diffiċli li jara l-pożittiv li kellu f’ħajtu. Minflok, beda jara kollox ħażin, kollox tad-dwejjaq, u d-droga kienet isservih bħala mod kif jaħrab minn dan kollu. Imma kienet hi ukoll li kienet tikkunsmah b’dawn il-ħsibijiet negattivi.
Dan sakemm eventwalment rifes l-għatba tal-Fondazzjoni Oasi, għaqda li ilha sa mill-1991 tgħin persuni li jsofru minn vizzji, partikolament fejn jidħlu l-akoħol u d-droga. Hu pparteċipa fi programm apposta u llum bi tbissima kbira fuq wiċċu jista’ jgħid li ilu 83 jum ma jmiss mad-droga.
“Importanti li tkun grat, il-kuntentizza, l-imħabba lejk innifsek, ikollok saqaf fuq rasek, u x’tiekol u x’tixrob. Jekk għandek dawk, għandek kollox,” spjega Clinton.
Skond rapport nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta maħruġ is-sena l-oħra iżda bbażat fuq riċerka li saret fl-2021, il-kokaina għadha titqies bħala l-aktar droga użata fil-gżejjer Maltin. Mal-1,990 persuna fittxew l-għajnuna b’81% minnhom jirriżultha li kienu rġiel, fl-età medja ta’ 27 sena.
Jekk inti għandek il-vizzju tad-droga u tixtieq tfittex l-għajnuna, kkuntattja lill-Fondazzjoni Oasi jew inkella lil Caritas Malta.