Il-Prinjolata; tjubija ta’ żmien il-bluha
Qed joqrob il-Karnival u l-ħelu tradizzjonali Malti jinkludi l-perlini u l-Prinjolata. Il-Prinjolata tkun f’forma ta’ koppla magħmluha minn taħlita ta’ gallettini, ġewż u lewż u karawett, krema u ġelu flimkien ma’ ċirasa u ċikkulata.
Il-Prinjolata hija ħelu tqil u ma tridx tazzarda tiekol ħafna minnha għaliex tokkupak. Tajba mmens ovvjament u hawn min la jibda jiekol minnha, ma jieqafx. Hija ħelwa mmens li mhux kulħadd forsi juggstaha.
It-tiżjin tagħha huwa wieħed ikkulurit b’assoċjazzjoni mal-karnival; il-festa tal-kuluri u l-allegrija. Tmur lura sew fiż-żmien; propju minn żmien il-Kavallieri.
Illum saru jagħmlu wkoll iż-żgħar għal min ikun irid sempliċiment iduqha u tkun offruta fil-kafetteriji u anke tingħata bħala rigal. Prinjolata kbira tkun tiswa l-flus ukoll.
Ħa ntukom l-ingredjenti:
- 150 gramma butir
- 320 gramma zokkor
- 12 il-biċċa madeira cake plan (aqta’ fi tliet biċċiet ħoxnin)
- 1 abjad tal-bajd
- taqtir assenza tal-vanilla
- 50 gramma pine nuts (arżnu) – irrowstjat
Għad-dekorazzjoni:
- Icing (ġelu)
- 50 gramma pine nuts sħaħ
- 50 gramma ċirasa ħelwa
- 50 gramma ċikkulata skura
Metodu:
L-ewwel ħallat il-butir u 200 gr taz-zokkor bi blender elettriku. Ħallat sakemm it-taħlita ssir krema lixxa. Ħabbat l-abjad tal-bajd fi skutella (l-iskutella għandha titqiegħed f’banju bl-ilma sħun). Kompli ħabbat il-bajda filwaqt li żid il-bqija taz-zokkor jiġifieri l-120 gr zokkor li jifdal. Żid ukoll nofs tazza ilma u l-essenza tal-vanilla. Ħallat u ħawwad sew. Neħħi minn fuq in-nar u ħallieh jiksaħ. Żid it-taħlita tal-butir bil-krema u l-arżnu (pine nuts) imfarrak. Ħallat sew.
Idlek kontenitur li fih tagħmel il-pudina, u ibda saffi alternattivament mal-wiċċ – bil-flieli tal-kejk tal-Madeira u t-taħlita tal-krema tal-prinjolata. Allura essenzjalment ser ikollok saff wieħed ta’ kejk u saff wieħed ta’ taħlita krema. Kompli agħmel dawn is-saffi sakemm tispiċċa kemm il-flieli tal-kejk kif ukoll it-taħlita. Ħalli l-prinjolata toqgħod għal lejl fil-friġġ.
Poġġi l-prinjolata fil-friġġ u ħallieha tiksaħ għal xi 5 sigħat qabel ma sservieha.