Illum xemxi u sabiħ. Tħalli lil ħadd ifottilek ġurnata!

 Illum xemxi u sabiħ. Tħalli lil ħadd ifottilek ġurnata!

Wara ġimgħa bit-temp imħawwad bix-xita, riħ, sħab u minn kollox, ħaqqna ġurnata b’temp naqra “orrajt!” Infatti llum mistenni jkun jum xemxi u sabiħ, u fl-aħħar jum bħal dan inzerta s-Sibt.

Allura ara x’tagħmel u gawdi din il-ġurnata. Jew qattagħha barra, tilgħaq xi rokna xemx b’xi ktieb f’idejk. Jew għamel xi picnic mal-familja, jew sħabek. Jew għamel il-qadi li ilek tippostiċipa ġimgħa sħiħa. Hekk jew b’hekk, ma jidhirx li hemm possibiltà li tieħu tixriba meta tkun qed tiġri minn post għall-ieħor.

Tagħmel x’tagħmel, ara li ma tħalli lil ħadd ifottilek il-ġurnata. Speċjalment jekk f’lejliet l-ewwel tas-sena ħlift miegħek innifsek li fis-sena ġdida se taħdem biex tkun iktar kuntent.

Jekk taqbiżlek fit-traffiku jew tiltaqa’ ma’ xi ħadd li ħaseb li għax għadda l-Milied, jista’ ma jużax il-wipers, ħu nifs twil ‘il ġewwa u ieħor ‘il barra.

Jekk ir-raġel, kif jagħmel dejjem, ħalla l-butir barra wara li dellek xi biċċa ħobż tal-Malti, ħu nifs twil ‘il ġewwa u ieħor ‘il barra.

Jekk ċempilt lil ommok sitt darbiet, u kif tagħmel dejjem tinsa’ li għandha mobile, ħu nifs twil ‘il ġewwa u ieħor ‘il barra.

U hekk, f’ġurnata ta’ xemx bħal din, b’dawn in-nifsijiet fil-fond kollha mhux talli tevita li jfottulek il-ġurnata, timla’ ġismek bl-endorfini, il-kimiċi li jgħinuk “tħossok tajjeb”!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com