Is-Sess…tal-Faqqieħ

 Is-Sess…tal-Faqqieħ

Tema xierqa għax-xahar ta’ San Valentinu! Għal dawk minnkom li f’moħħom diġa qed jisimgħu You can Leave Your Hat On ta’ Joe Cocker, ngħidilkom li sejrin żball bi kbir! Dan l-artiklu m’hux fuq dak it-tip ta’ sess, pero’ tip ta’ sess tant ieħor importanti għal ħolqien ta’ madwarna.

Bħall kull ħlejqa oħra, il-funzjoni tas-sess fil-fungi huwa ir-riproduzzjoni u dan huwa suġġett ikkumplikat li ser nipprovaw nissemplifikaw. Dawk il-qarrejja li ilhom jaqraw din is-sensiela mil-bidu diġa jafu li il-faqqieħ (il-mushroom) huwa il-parti tal-fungu li tagħmel l-ispori (l-ekwivalenti ta’ żerriegħa) u li il-faqqieħ la huwa pjanta u lanqas huwa annimal. Mela allura sewwa ngħidu li il-fungi għandom tip ta’ sess uniku?

Hekk hu. Nibdew biex, il-fungi jistgħu jirriproduċu b’mod sesswali jew asesswali. Ir-riproduzzjoni asesswali hija prattikament clone tal-ġenitur u dan huwa metodu li spiss jintuża għar-riproduzzjoni kummerċjali. Parti minn fungu jiġi maqtugħ minn postu u ttrasferit fuq substrat fejn jista jikber. Dan proċess li normallment isir f’laboratorju joħloq kopja ġenetikament identika tal-ġenitur. Ir-riproduzzjoni sesswali isseħħ meta żewġ spori ta’ sess differenti li jkunu qed jittajjru ma l-arja jaqgħu viċin ta’ xulxin, inebbtu u in-nebbietiet tagħhom jiltaqgħu u jifformaw node. Minn dan in-node imbgħad jikber il-kumplament ta’ l-organiżmu; il-hyphae, il-miċelju u finalment il-faqqieħ biex b’hekk jerġa jibda iċ-ċiklu.

Din kienet il-parti s-sempliċi ta’ l-istorja li issa ser tibda tikkumplika ruħa (u nfakkarkom li din hija verżjoni issemplifikata ħafna!). Meta fil-paragrafu ta’ qabel semmejna is-sess ta’ l-ispori ma semmejniex “raġel” u “mara” għax għal maġġoranza tal-faqqieħ dawn it-termini ma japplikawx. Minnflok, il-faqqieħ għandu varjeta enormi ta’ sessi li hu maħsub li huma il-prekursuri tas-sess “modern”, bħall dak tagħna il-mammiferi, li żviluppa ħafna miljuni ta’ snin wara waqt li l-fungi kienu diġa fi stadju evoluttiv avvanzat ħafna. Fil-fatt, it-terminoloġija preċiża fil-fungi m’hix sess pero’ mating type u hawn varjetajiet ta’ faqqieħ li għandom eluf ta’ mating types! Din il-varjeta kollha hija importanti biex kull fungu ikun jista jirriproduċi biss ma fungu ieħor ta’ l-istess razza. Immaġinaw, b’biljuni ta’ spori, eluf ta’ sessi u mijiet ta’ eluf ta’ razzez nispiċċaw ikollna geġwiġja enormi ta’ hybrids li ma jistgħux jirriproduċu bejnietom u jispiċċa kollox. Imma in-natura taf x’qed tagħmel. Biex dawn is-sessi, jew aħjar mating types, ikollom love at first sight irid ikollom numbru ta’ genomes kompatibbli inkella ma jseħħ xejn u xi ħadd minnhom jispiċċa jibki u jiekol il-ġelat fuq xi rumanz ta’ Danielle Steel.

Imsomma, jekk ma fhimtu xejn ma ntikomx tort pero’ pprovajt nissemplifika kemm nista. Mil-llum il-quddiem jekk taħsbu li s-sess oppost huwa ikkumplikat, irrazzjonali, immatur u ma tistgħux taqbdulu kaptu…irringrazzjaw lil kbir Alla li hemm żewġ sessi biss u li m’intomx xi moffa b’eluf ta’ sessi differenti!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com