Issib min jieħu għalih għax flok qalb tagħmillu like fuq Facebook!
Iva, hekk hu. Din saret normali fid-dinja li qed ngħixu llum fejn issib nies li jkunu attenti u jiflu kull aġir li tagħmel fuq il-midja soċjali.
Hemm min iħoss li tkun għamiltlu like biex sempliċiment turi li nnutajtu mentri jekk tkun għamiltlu qalb, mela għandek affezzjoni akbar lejh. Hemm min jinnota jekk ikkummentajtx jew le u saħansita jikteb status li se jagħmel tindifa fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Imma fil-verità, dan kollu jagħmel sens? Inżommu f’moħħna li forsi l-persuna li qed taħseb ħażin fiha qas tagħti kas dawn l-affarijiet? Jew li m’għandhiex l-istess ħsieb tiegħek? Jew li forsi tant impenjata li m’għandhiex għalfejn toqgħod tikkummentalek għax tellajt ritratt tal-platt jew x’se tilbes?
Kważi tiskanta kemm hawn anke ħbiberiji li spiċċaw fuq dawn il-fatti li qed insemmu. Hemm min jistenna l-mument opportun li jiltaqa’ mal-persuna u jtieha ħasla bil-konsegwenza li jħalli lill-persuna l-oħra mbellħa għax ma tkunx qed tifhem xi trid tfisser!
Naħseb ħsieb ġenwin mingħandna huwa li ngħixu u nħallu lil min jgħixu. Min irid jagħmel like u heart jew emoji oħra, ħadd mhu sidu u qas sejrin ma norqdux mingħajrhom. Bħal ħafna suġġetti oħra, mingħajr ma nafu, dawn l-affarijiet jaffettwalwna s-saħħa mentali tagħna. Nibdew nieħdu ħsieb l-affarijiet iż-żgħar ħalli ma jkollnhiex ninkwetaw fuq il-kbar u ħsibijiet żejda.