Ix-xogħol tad-dar kemm jinqasam bejn il-koppja?
Darba kien hemm riklam fuq l-istazzjon nazzjonali bl-għajta Sharing life responsibilities fejn juri kif koppja taqsam ix-xogħol tad-dar u tgħix ħajja bbilanċjata. Imma fil-verità, dan iseħħ?
Bla dubju ssib minn kollox. Hawn anke irġiel li jkunu huma l-irġiel tad-dar u l-mara taħdem. Jiġifieri jeżisti kull tip ta’ xenarju.
Imma ssib ukoll irġiel li jħossuhom superjuri u la ġew mix-xogħol, mela dmirhom lest. Jirraġunaw li l-għada għandhom ġurnata oħra iebsa u allura issa ħinhom jiddedikawh biex jistrieħu.
Imma allura l-omm, meta hu l-ħin tal-mistrieħ tagħha? Ħasil tal-art, knis, ħwejjeġ, mogħdija, tisjir u platti, xiri, ġiri bit-tfal u l-lista tkompli.
Nerġgħu ngħidu, ma rridux inkunu biased b’dan l-artiklu. Qed niktbu xenarju li rċevejna u talbuna naqsmuh magħkom il-pubbliku biex naraw intom x’taħsbu u x’pariri ġenwini tistgħu tagħtu lill-koppji li forsi mhux isibu ċans biex jibbilanċjaw ħajjithom… għax bħal dejjem, hawn kull tip ta’ koppji, hawn min jaqbel fuq x’xogħol għandha tagħmel il-persuna fid-dar u hemm rispett.
L-importanti li dejjem nirrispettaw lil xulxin u ma nħarsux l’isfel lejn is-sess tal-persuna. Kemm ir-raġel u anke l-mara huma t-tnejn ugwali u importanti fil-ħajja li ngħixu. Ħadd m’għandu jkun superjuri fuq ħadd imma għandna nuru rispett reċiproku.
Kif taħsbu li għandha tkun din il-ħaġa?