L-isbaħ 10 kanzunetti Maltin dwar l-imħabba skond Stradastretta
Hekk kif jibda joqrob Jum San Valentinu, nibdew nisimgħu aktar kanzunetti famużi dwar l-imħabba. Uħud idaħħkuna, uħud ibikkuna u oħrajn iħalluna xi ftit mifxulin! Aħna ta’ Stradarjali għamilna l-klassifika tagħna tal-aqwa 10 kanzunetti ta’ imħabba bil-Malti hawn taħt.
1. Xemx ta’ The Tramps
Ma nafux b’tieġ Malti li f’xi ħin jew ieħor ma ndaqqitx il-kanzunetta Xemx ta’ The Tramps. Smajna kull verżjoni, iżda dik oriġinali li nħarġet fl-1975 tibqa’ dejjem f’qalbna.
2. Sal-Aħħar Nifs ta’ Fabrizio Faniello
Jekk tixtieq tesprimi l-imħabba infinita tiegħek għal persuna speċjali, id-dedika ta’ din il-kanzunetta tal-kantant maħbub Malti Fabrizio Faniello għandha l-messaġġ perfett! X’hemm isbaħ milli tgħidilhom li tixtieq tkun magħhom sa ma tieħu l-aħħar nifs, jew sal-aħħar waqt taż-żmien?
3. Imħabba Projbita ta’ Ira Losco
Kantanta li għadha timpressjonana bil-vuċi u t-talent tagħha sal-lum hija Ira Losco, u din il-kanzunetta tagħha hija dedika għal dawk kollha li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ imħabba kkumplikata! Tfakkarkhom xi ftit fl-istorja ta’ Romeo u Ġuljetta?
4. Lest Ngħix Biss Għalik ta’ Glen Vella
Jekk forsi nqast lis-sieħeb jew sieħba tiegħek u tixtieq tirbaħhom lura, il-kanzunetta perfetta għalik hija din. Maħruġa fl-2016, il-kanzunetta ta’ Glen titkellem dwar ir-realizzazzjoni li r-relazzjoni li ntemmet hija waħda ta’ valur importanti u x-xewqa li jitlob maħfra sabiex jirbaħ lura lill-imħabba ta’ ħajtu.
5. Sabiħa ta’ Gianluca Bezzina
Kull meta jkanta Gianluca Bezzina jisraq il-qlub, u din il-kanzunetta li rebħet il-festival Mużika Mużika s-sena l-oħra żgur serqitilna qalbna! Jekk hemm xi ħadd f’ħajtek li tixtieq tgħidilhom kemm huma sbieħ għalik, mela ibgħatilhom din il-kanzunetta f’Jum San Valentinu.
6. Ħarsa Biss ta’ Glen Vella
Nafu li semmejnieh darbtejn…imma tgħidulna xejn, klassifika bħal din mingħajr ma nsemmu din il-kanzunetta mhux possibbli ssir. Kanzunetta oħra rebbieħa tal-festival Mużika Mużika li kompliet turina kemm aħna l-Maltin, fil-fond, aħna poplu romantiku.
7. Ħdejk ta’ Julie Zahra
M’hemmx mod aktar sempliċi milli turi l-imħabba tiegħek lejn xi ħadd milli tgħidilhom li tixtieqhom ikunu viċin tiegħek. Hekk tagħmel Julie Zahra f’din il-kanzunetta meraviljuża. Hemm xi ħadd li tixtieq li qiegħed ħdejk bħalissa?
8. Bla Tarf ta’ Kurt Calleja
Erm…jekk għadkom ma ndunajtux, napprovaw ħafna bis-selezzjonijiet tar-rebbieħa tal-festival Mużika Mużika. Infatti, ma stajniex ma ninkludux ukoll il-kanzunetta rebbieħa ta’ Kurt Calleja li titkellem propju dwar imħabba bla limiti għall-persuna l-aktar perfetta għalik.
9. Ersaq fil-Qrib ta’ The Travellers
Il-klassifika tagħna issa qasmet il-fliegu bil-kanzunetta riċenti ta’ The Travellers. Jekk tħoss li wasal il-mument li tesprimi s-sentimenti tiegħek lejn il-persuna li tiffansja isma waħda din il-kanzunetta, għax tista tiggwidak u turik kif għandek tpoġġi l-kliem.
10. Fejn Tħobb il-Qalb ta’ Mike Spiteri
Xi tgħid dwar kif iġġiegħlek tħossok dik il-persuna li ma tistax toqgħod mingħajrha? Mike Spiteri ddeskrivilna dan is-sentiment b’mod perfett permezz tal-kanzunetta Fejn Tħobb il-Qalb. Min hi dik il-persuna li ma tistgħux tgħixu mingħajrha?
Intom taqblu mal-klassifika tagħna? Jew għandkom xi kanzunetta favorita bil-Malti li mhix fil-lista tagħna? Ibagħtuhielna fil-kummenti!