Kemm dak li naraw hu veru? Kemm naħsbu qabel infajru kumment?
- Tim Strada Rjali
- Thursday, 18 January 2024, 15:10
- 0
Il-Famuża statwa tal-Oscar: Kemm dak li naraw hu veru? Kemm naħsbu qabel infajru kumment?
Danusan tkellmu dwar il-filmat li nxtered tal-istatwa tal-Oscar fejn inkiteb li din swiet lill-pajjiż €200,000 biex inġiebet f’Malta. Ġiet mistoqsija wkoll jekk il-pubbliku jaqbilx ma’ dawn l-ispejjeż … u l-kummenti bla dubju, bdew deħlin u kif.
Dawn huma wħud minn dak li kitbulna n-nies:
Il-kumment “Jaħliiii” … Danusan spjegaw kif mingħajr ma taw l-ebda dettall dwar min ġabha, il-pubbliku ħaseb li ġabha l-Gvern.
“Raġel imma liebes ta’ statwa purċinelli” …. Bla dubju, dan ma kienx il-każ għaliex Daniel jispjega li hekk kif qabdu n-niżla tal-Għadira, għaliex l-istatwa nġabet mill-Mellieħa, ir-raġel tal-Oscar kien inqata’ minn saqajh u kien hemm min rahom jorbtuh. Sander jgħid li nħeba l-kumment biex ma tindunawx.
“Ħofra tajba u l-istatwa ssir irmied” … hekk hu fil-fatt. Inqasmet fi tliet biċċiet propjament tant li anke fix-xena tal-filmat fil-lift ta’ Danusan, dawrulu borża taż-żibel biex jgħattuh.
“Mank ġabuh bil-ħwejjeġ b’dik is-somma” … Daniel jgħid li l-istatwa saret to scale għalkemm kien iddiżappuntat għaliex xtaqha akbar, imma jgħid ukoll li mnalla saret f’dak il-qies. L-istatwi tal-Oscars ta’ barra; il-kbar ikunu tal-fibre u dawk li jingħataw, ikunu gold plated.
“Dak qisu xi ħadd għadu ħiereġ minn party jaqsam” … Bi tbissima, Daniel jikkummenta: “Ma nafx x’parties tmorru!”
Kummenti oħra dwar għax liebes is-seatbelt u li lanqas il-Prim Ministru ma jkun skurtat hekk, ma naqsux. Sander qal li trid tkun ftit mazzun biex tiblagħha għaliex kieku veru ġew bl-Oscar, ser jgħaddu minn ħdejn il-Pama?
“Setgħu jinvestu fi trasport aħjar ukoll” … Tajba din. Sander irringrazzja lil kuġinuh Matthew li sellifhom il-vann għax-xow.
Kolossali kien dan il-kumment: “Biċċa statwa u hawn tant nies mejtin bil-ġuħ, ma ssibx xi ħofra bħal ma nsibu aħna?” …. Kien hemm ħafna li ħaduha bi kbira u bir-raġun għaliex Alla ħares infaqna €200,000 biex inġibu l-istatwa.
Ħallina mit-toqol, din il-biċċa tax-xogħol Danusan għamluha biex iqajmu ftit għagħa biex intom tkunu tistgħu tiġu u tgawdu x-xow fejn l-istatwa se tkun parti integrali minnu f’għeluq l-20 sena ta’ Sander u Daniel jirreċtaw flimkien fuq il-palk u se jkunu qed jagħtu diversi awards lill-karattri li rajna f’dawn l-għoxrin sena u mhux biss. L-Awards tan-nejk!
Ejjew u taraw x’ġej. Għall-biljetti idħlu http://www.danusan.com Tkunux ċwieċ, qis li tiġu!