Kif nistgħu nżommu mentalment b’saħħitna?
Bdejna sena oħra. prospetti ġodda, ħolm ġdid u ħsibijiet. Kulħadd jittama li jkollu sena tajba imma dan mhux dejjem huwa f’idejna.
Biss, li nkunu f’saħħitna speċjalment mentalment, aħna għandna dmir li rridu nħaddmuh kif ukoll naħdmu għalih. Xejn ma jaqa’ mis-sema. Id-dinja m’għadhiex ta’ qabel. Il-progress ibiddel. Qed ikollna mumenti fejn anke meta suppost tistrieħ, ma tistrieħx.
Il-messaġġi tal-mobile u l-midja soċjali tgħajjina ħafna mingħajr ma nindunaw. Anke l-fatt li xi ħadd jibgħat messaġġ ifakkrek f’biċċa xogħol meta llum il-Milied jew l-Ewwel tas-Sena, inti bla ma trid taqrah u tibda taħseb fuqu. B’hekk, dik li taqta’ kompletament fid-dinja tal-lum m’għadhiex teżisti anke jekk ma tridx.
Madanakollu aħna rridu nirsistu magħna nfusna u nsiru iżjed dixxiplinati f’dan l-aspett, aktar minn qatt qabel.
Eżempji:
- Tiddeċiedi minn ċertu ħin ‘il quddiem titfi l-wifi. Allura messaġġi watsapp li jidħlu ma tarahomx. Il-mobile xorta jibqa’ mixgħul f’każ li jinqala’ xi ħaġa familjari.
- Inżidu l-eżerċizzju. Bħal ma hawn ħafna jħobbu l-gym, hawn ħafna wkoll li jdejjaqhom. Imma mixja ma tagħmilx deni! Issa ddeċiedi int … trid tispiċċa bla saħħa iżjed kmieni? jew trid tgħix ħajja aħjar? L-għażla f’idejk.
- Iltaqa’ iżjed ma’ nies pożittivi, li jgħinuk tħossok aħjar u tiddejjaqx tevita nies li jixorbulek l-enerġija tiegħek. Kun raġel/mara miegħek innifsek u żomm sod fuqha din.
- Orqod tajjeb. Billi tibqa’ mqajjem biex mingħalik tlesti x-xogħol t’għada, l-għada l-ġurnata se toffrilek iżjed xogħol, mela rridu nitgħallmu ngħidu ‘għal-lum daqshekk’.
- Kun onest f’ħajtek. Jekk għajjejt, xbajt xi mkien, trid tkellem lil xi ħadd, m’intx komdu f’relazzjoni, f’attività, eċċ, eċċ, tkellem. Ħadd mhu se jaqralek moħħok.
- Kun grat iżjed. Teqridx għax ma xtrajtx il-villa jew il-karozza tal-ħolm imma apprezza li għandek saqaf u roti biex tasal. Li tapprezza iżjed x’int u x’għandek milli tixxennaq għal xi trid li jkollok.
- Aqra, isma u ara. Jekk ktieb, film jew radju, xi kelliem … dawn jgħinuk tħaddem il-ħsibijiet u tinduna li m’intix waħdek f’dak li qed taħseb.
Ovvjament hemm ħafna x’tagħmel. Dawn huma ftit mill-ħsibijiet tagħna pożittivi biex ngħinu lil xulxin inżommu mentalment b’saħħitna.
Ejjew minn hemm ħbieb.