Kull ma jgħaddi ż-żmien qed tiżdied l-ADHD. Għaliex?
ADHD tfisser attention defecit hyperactive disorder. F’termini iżjed sempliċi, tfisser in-nuqqas ta’ attenzjoni biex persuna tiffoka, enerġija kbira u eċċessiva u impulsività – fejn wieħed jagħmel xi ħaġa bla ma jaħseb.
Dari, meta kien ikun hemm xi tfal ftit fuq tagħhom, kienu jlissnu l-kliem ‘m’għandux kwiet’ jew ‘bla sabar’. Maż-żmien, ix-xjenza u l-mediċina għamlu avvanzi kbar u sabu li dawn il-karatteristiċi huma ta’ kundizzjoni partikolari li ssejħet ADHD.
Persuna tista’ tgħix tajjeb anke b’din il-kundizzjoni ġaladarba ssib il-bilanċ u l-ambjent li titlob din il-kundizzjoni. Bis-sapport u t-trattament addattat, il-persuna toħloq ambjent san għaliha u tirnexxi daqs li kieku m’għandhiex din il-kundizzjoni. Din mhix xi marda li toqtol.
Huwa tajjeb li nqajmu iżjed kuxjenza dwar kundizzjonijiet bħal dawn għax jiġri spiss, li bħan-nieqes isir iż-żejjed u minħabba li hawn iżjed għarfien fuqha, sirna noħduha ftit for granted. Iżda dan ma jfissirx li ma baqax xi ftit stigma wkoll.
Iżda minħabba l-fatt li l-għarfien żdied, il-kuxjenza minnha nfisha qed tkompli tgħin biex ikunu skoperti iżjed persuni b’din il-kundizzjoni.
Xjentisti li huma ffukati fuq il-ġenetika sabu li fatturi li jżidu r-riskju tal-ADHD huma: korriment fil-moħħ b’xi daqqa jew waqgħa, li tkun espost għal materjal bħal ċomb waqt it-tqala jew f’età żgħira, l-alkoħol u t-tabakk. Tajjeb li nkunu nfurmati u ngħinu lil xulxin.