L-Għawdxin għandhom vokabolarju għalihom … Tafu xi kliem li jużaw?
Kemm hi sabiħa l-lingwa Maltija … tvarja anke minn raħal għall-ieħor u iżjed minn hekk, minn Malta għal Għawdex. U kif!
Spiss niggustaw din il-lingwa u anke d-djaletti. Imma qed jintilfu? Kemm nużawhom illum? L-Għawdxin donnhom iżommu iżjed ma’ dak li hu tradizzjonali u japprezzawh ħafna. Hawn anke Maltin ta biex ngħiduha kif inhi, li d-djalett tagħhom kburin bih u hekk għandu jkun.
Imma fil-gżira Għawdxija jingħadd kliem li forsi aħna ma nifmuhx.
Eżempju, tafu x’inhuma trampi? Meta jgħiduha jkunu qed jirreferu għal xi ħmerija, bużullota jew kummiedja. “kemm jgħid trampi dak!” jiġifieri, kemm jgħid ħmerijiet.
Jgħidu wkoll “Kilt ikla għekierex niżilli għasel”, fejn ikunu qed jirreferu għall-bebbux.
Iħobbu jgħidu wkoll “qiegħed inni”, jiġifieri qiegħed hemmhekk. (u juru direzzjoni b’subgħajhom)
“Dik kellha erba’ bankunċini tajbin” … b’referenza għall-pastini tal-lewż f’xi festin. propjament ma jgħidux tajbin imma tajbojn. Hawnhekk apparti li qed nisimgħu b’kelma oħra flok dik li nużaw aħna, qed nisimgħu wkoll djalett waqt li naqraw il-kelma.
Iħobbu jużaw ukoll il-kelma wiegħer … “dak wiegħer dak ir-raġel ta” …. jiġifieri raġel li jasal.
Kemm hi sabiħa l-lingwa tagħna. Importanti li nieħdu ħsiebha u nużawha.