Liema faqqiegħ jittiekel?
F’diversi snin, bħal per eżempju din li qegħdin fiha, ma tagħmilx xita biżżejjed biex tippermetti li jikber il-faqqiegħ u allura dan sempliċement jaqbeż sena u ma jitfaċċax. Però ejja nirreferu għal sena medja. Kieku bejn Ottubru u Jannar ikun iż-żmien fejn il-faqqiegħ selvaġġ jibda jitfaċċa u min hu bħali dilettant ta’ dawn il-ħlejqiet tant misterjużi, u f’diversi każi tant tajbin, jibda jirċievi ir-ritratti tal-faqqiegħ akkumpanjati mill-mistoqsija tipika, “Dawn jittieklu?”
Ċertu dilettanti li ilhom fid-delizzju jissugraw jagħtu pariri, uħud siewja inqas minn oħrajn, però min hu kawt ma jissograx u f’dan l-artiklu ser naraw għaliex…mingħajr ma nallarmaw lil ħadd.
Kif għidna fl-artikli ta’ qabel, nistmaw li hawn 120,000 varjetà ta’ faqqiegħ klassifikat u Malta il-varjetà tonqos bil-bosta. Madanakollu, ma nafux eżatt kemm varjetajiet jikbru f’Malta però li nafu hu li jiġu klassifikati varjetajiet ġodda pjuttost regolari mil-ftit mycologists kapaċi mmens li għandna fostna. Mela, din hija l-ewwel problema. Ma nafux eżattament kemm għandna tipi ta’ faqqiegħ jikber f’Malta u x’inhuma.
It-tieni problema hija li l-qies, il-kulur, il-ħxuna, l-istaġun, il-forma u l-proporzjon ta’ kif ikun magħmul il-faqqiegħ ivarja immens skont it-tip ta’ substrat, l-aċitdità tas-substrat, l-ammont ta’ dawl li jirċievi, it-temperatura u fatturi oħra. Mela allura faqqiegħ li f’ġimgħa friska jikber kannella ċar (kif ngħidu minn lewn it-te bil-ħalib), f’ġimghħa sħuna jista’ jkun abjad karti. F’sena abbundanti bix-xita, il-faqqiegħ tal-ferli jista’ jikber sa 800 gramma kull waħda mentri f’sena xotta rari jaqbeż il-100 gramma. Mela kif tista’ tgħid biċ-ċert? Iva tista’. Min ikun imħarreġ biex jgħaraf il-faqqiegħ jikkunsidra fatturi bħar-rieha, it-texture tas-sieq u tal-kappa, jekk is-sieq hix solida jew vojta, il-kulur tal-garġi, il-mod eżatt kif il-garġi jingħaqdu mas-sieq taħt il-kappa u mal-bordura tal-kappa, reazzjonijiet għall-grif, il-kulur u l-qies ta’ l-ispori u diversi fatturi oħra.
Is-similaritajiet bejn varjetà u oħra wkoll hija problema. Per eżempju Malta tikber komuni ħafna razza ta’ faqqiegħ abjad li kif tigirfu jiġi isfar; jissejjaħ Agaricus xanthodermus. Dan jixbah immens u hu relatat mal-faqqiegħ li nsibu għand tal-ħanut…bid-differenza li valenuż. F’Malta m’hawnx ammont kbir ta’ faqqiegħ li huwa perikoluż għall-ħajjet il-bniedem però hawn ħafna li jistgħu jibagħtuk weekend break full board Mater Dei mingħajr ħsieb.
Mela, b’dan kollu f’moħħna, il-parir li nagħti jien hu li f’ħafna każi, minn ftit ritratti huwa diffiċli immens tiddetermina b’ċertezza t-tip ta’ faqqiegħ. Jien ngħid li min irid il-faqqiegħ jixtri dak ikkultivat. Apparti li nkunu qed nibżgħu għal saħħitna u li l-faqqiegħ selvaġġ spiss ikun fih il-bajd ta’ dubbiena partikolari, inkunu qed nibżgħu ukoll għall-fawna u l-flora ta’ pajjiżna għaliex kif diġà għedna, il-faqqiegħ lanqas biss jirnexxielu jikber kull sena. Il-faqqiegħ ikkultivat hawn Malta huwa ta’ kwalità għolja, imkabbar f’ambjent nadif immens u mill-aspett nutrizjonali ma fih xejn inqas minn dak bhalu però selvaġġ.