Naħlu ħafna ħin b’ messaġġi li nibagħtu doppji? Inti tifhem kollox li jinkiteb?
Tant aħna bbumbardjati bil-midja soċjali u li narawh, narawh malajr, għax hekk hi t-trend, li spiss ikun hemm komunikazzjoni doppja u żejda.
Spiss ma naqrawx l-informazzjoni li toħroġ b’mod korrett u dan iwassal biex dak li jkun jerġa’ jibgħat u jsaqsi dwarha, ikun hemm informazzjoni li tkun ħarġet u nerġgħu nitolbu tagħrif dwarha u ħafna każijiet oħra simili.
Xi jfisser dan? Li ma naqrawx kollox, li ma naqrawx sew jew li tant hemm informazzjoni għaddejja li qed ninsew u nitilfuha?
Fiha x’taħseb. Mingħajr ma nindunaw, dan joħloq stress fuq in-nies għaliex dak li jkun iwieġeb: “Mhux diġà għedna jew tajna din l-informazzjoni?” Allura forsi wieħed irid ikun iżjed attent li mhux li jxerred bl-addoċċ imma jagħżel x’jara ħalli jkollu ċans jipproċessah.
Min jinforma, irid ikun iżjed skjett f’li jwassal u għall-punt ħalli l-informazzjoni tasal iżjed u bla ħafna tidwir mal-lewża.