Sirna qsina mġienen … e-mails deħlin bis-sibt u l-ħadd ukoll
Il-ħajja saret mgħaġġla ħafna. Din dejjem smajnieha u iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed ser nisimgħuha. Jekk forsi kien hemm żmien fejn kienet tintqal u ma kinitx daqstant ta’ piż, issa din sar iħossha kulħadd; ħajja ta’ ġenn sfrenat.
Il-midja soċjali u f’dan il-każ, il-whatsapp u l-emails għaqqdu lid-dinja iżjed imma ġellduna iżjed ma’ xulxin? Forsi, minħabba li m’għadniex nagħtu ħin biżżejjed lil xulxin u lill-maħbubin tagħna?
Ma baqax sibtijiet, ħdud u festi għaliex l-emails jidħlu b’mod kontinwu fejn ġieli tiskanta u tiċċassa tara email marbuta max-xogħol is-sibt f’xi l-għaxra ta’ billejl. Itik li tgħid “Dawn bla ħajja dawn in-nies?’
U hekk hu. Minħabba l-ġirja sfrenata biex nagħmlu iżjed u nistgħanew iżjed, qed nimtlew b’impenji li jirrikjedu ħin tant li nispiċċaw lanqas qed ikollna ħin nistrieħu. Ma għadux dak iż-żmien li tgħid ‘illum mhu ħa nagħmel xejn’. (f’sens ta’ xogħol)
Il-kliem jum il-Mulej (b’mod ironiku) m’għadux jeżisti. Kważi, kważi, jekk ma tweġibx jew ma tarax messaġġ, joħduk fuq demm id-dars!!!
Trid tkun iddixxiplinat minnek innifsek li tgħid “le, illum ma narax emails.” Kuraġġ.