Fejn iltaqgħu Freddie Portelli u l-mara tiegħu?

 Fejn iltaqgħu Freddie Portelli u l-mara tiegħu?

Isem sinonimu mal-mużika Maltija huwa dak ta’ Freddie Portelli, ir-re tar-Rock & Roll Malti. Aħna ta’ Stradarjali ltqajna miegħu u fost mistoqsijiet oħrajn staqsejnih fejn iltaqa’ mal-mara.

Hu spjegalna li kemm hu u kemm martu huma minn San Pawl il-Baħar u kienu ltaqgħu meta kienu għadhom żgħar. Spejga li hu ġej min-naħa ta’ San Pawl il-Baħar li kienet magħrufa bħala n-naħa tal-imqarbin, illum jgħidulha ż-żona tal-Gillieru. Intant, martu Carmen, kienet ġejja min-naħa ta’ San Pawl il-Baħar magħrufa bħala tal-Għażżelin.

Kompla billi wera l-apprezzament lejn martu u sostna li kellha tissaporti ħafna matul is-snin fejn il-karriera tiegħu kienet fil-fjur tagħha. Irrimarka li l-ħajja ta’ kantant mhix faċli, u wisq inqas il-ħajja ta’ kantant li jkun kiseb xi ftit fama. “L-isem hemm prezz li ġġorr miegħu,” qalilna Freddie.

Freddie Portelli jgħidilna kif kienet tkun ħajtu mingħajr il-mużika

Tlabnih ukoll jgħidilna kif forsi setgħet tkun ħajtu li kieku ma kellux il-mużika u s-suċċess li ġabet magħha għalih. Ir-risposta tiegħu kienet: “vojta, naħseb jiena… baħħ”.

Hu spjegalna li sa minn meta kien żgħir trabba jħobb il-mużika u l-kitba bil-Malti. Missieru kien mużiċist u kien hu li ħeġġu jibda l-karriera mużikali tiegħu. Intant, in-naħa ta’ ommu dejjem kienu jħobbu l-poeżija u l-kitba bil-lingwa Maltija u minn hemm kiseb ukoll l-imħabba li għandu lejn il-kompożizzjoni tal-mużika.

Is-suċċess li għamelt Viva Malta mhux faċli jerġa’ jsir

Freddie u martu Carmen, it-tnejn li huma għandhom il-kanzunetta Viva Malta l-aktar għal qalbhom. Hu spjega li s-suċċess li għamlet Viva Malta lura fis-sittinijiet diffiċli jerġa’ jsir. Qal kif din kienet l-ewwel u s’issa, l-aħħar darba, li kanzunetta bil-lingwa Maltija, kisbet fama tat-tip tant li ndaqqet madwar id-dinja kollha! “Irid ikun miraklu biex jerġa’ jsir dan,” insista Freddie.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com