Għadkom tibagħtu ittri?
L-emails, il-whatsapp u l-mobile fixkel ħafna d-drawwa li tintbagħat ittra. Taraha ħela ta’ ħin. Imma l-ittri kienu mezz ħelu u importanti wkoll biex persuni jikkomunikaw.
L-ittra tmur lura għal snin twal fl-istorja. Iżjed lejna, l-ittri kienu l-mezz biex nikkomunikaw anke ma’ qraba li jgħixu barra l-pajjiż.
Tiftakruhom il-par avion? Kienet ittra li tintewa u tiġi envelope bil-kantunieri kulur blu u aħmar. In-nies speċjalment l-omm fil-familja, kienet tibda tikteb bil-format li konna nitgħallmu bih l-iskola: “Kif intom? aħna ninsabu tajbin u nisperaw li intom tinsabu tajbin ukoll.”
Imbagħad kienet issegwi dejjem kantaliena ta’ xewqat u tislijiet lil dik u l-oħra; membri fil-familja.
Sa tmiem l-ittra ma kienx ikun fadal fejn tikteb u kienu jispiċċaw jiktbu laġenba biex joqgħod kollox.
O żmien ħelu kif itir.